Ġie inawgurat b’investiment ta’ €750,000 ir-rinnovar taċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat mill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela. Iċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat għadda minn rinnovar estensiv ta’ mmodernizzar fl-infrastruttura tal-faċilità li ser tgħin biex itejjeb il-fluss tal-pazjenti u żżid il-kumdità ġenerali kemm għall-pazjenti kif ukoll għall-professjonisti tas-saħħa.
Il-Ministru Jo Etienne Abela qal kif il-proġett iffoka fuq il-ħolqien ta’ ambjent aktar akkoljenti u effiċjenti, b’żoni kliniċi aġġornati, aċċessibbiltà mtejba, u integrazzjoni ta’ tagħmir modern biex jissaħħaħ il-livell ta’ kura.
“Dan ir-rinnovar imur mal-istrateġija tal-Gvern li nibbażaw is-servizzi tas-saħħa fil-kura Primarja fejn ninvestu f’servizzi li n-nies jinqdew mill-qalba tal-komunità. Permezz ta’ dan l-investiment, iċ-Ċentru issa huwa mgħammar biex joffri firxa aktar wiesgħa ta’ servizzi biex jilqa’ aħjar il-bżonnijiet tal-komunità,” tenna Dr Abela.
Il-Ministru Abela spejga kif apparti r-rinnovar tal-binja, ġew imsaħħa s-servizzi li minn din il-binja ser ikunu qed jiġu offruti 14-il servizz. Ġew introdotti s-servizzi tal-Oftalmoloġija, il-klinika tat-trabi (well baby clinic), il-Fiżjoterapija u l-iscreening. Dr Abela qal kif madwar 50,000 persuna ser jibbenefikaw minn dan l-investiment, peress li ċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat għandu żona ta’ servizz li tkopri r-Rabat, Ħad-Dingli, Ħ’Attard, il-Baħrija, l-Imtaħleb, l-Imdina u l-Imtarfa.
“Dan it-titjib jiżgura li r-residenti tar-Rabat u l-inħawi tal-madwar igawdu minn kura aktar komprensiva, f’waqtha u li tpoġġi lill-pazjent fiċ-ċentru, f’faċilità moderna u kompletament aġġornata,” temm jgħid Dr Abela.


