Sunday, December 22, 2024

Inawgurat ir-rinnovar tat-torri tal-arloġġ u l-bini ta’ Ċentru għall-Interpretazzjoni fl-Imtarfa

Investiment ta’ aktar minn €1 miljun

Aqra wkoll

Ġie inawgurat il-proġett tar-restawr tat-torri tal-arloġġ u l-bini taċ-Ċentru għall-Interpretazzjoni fl-Imtarfa, wara restawr estensiv li sarlu b’investiment ta’ aktar minn miljun ewro kofinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

Il-proġett ġie inawgurat mill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi, il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri u l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, fil-preżenza tal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa.

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi faħħar lill-Kunsill Lokali tal-Imtarfa tal-inizjattiva li ħa biex jirrestawra t-torri tal-arloġġ li jifforma parti integrali mill-patrimonju storiku tal-Imtarfa. Huwa appella biex kunsilli lokali oħra jieħdu inizjattivi pożittivi ta’ dan it-tip biex jitħares il-wirt storiku ta’ pajjiżna. Il-Ministru Zrinzo Azzopardi sostna li permezz ta’ dan il-proġett ser igawdu mhux biss in-nies li jgħixu fl-Imtarfa, iżda wkoll nies oħra li jgħixu f’lokalitajiet li jinsabu viċin din il-lokalità. Huwa qal li dan il-proġett huwa wkoll investiment fis-suq turistiku.

“Nemmen li permezz ta’ dan il-proġett se nkunu qegħdin nattiraw aktar turisti jżuru l-lokalità tal-Imtarfa u fl-istess waqt jitgħallmu dwar l-istorja ta’ din il-lokalità”. Dwar iċ-Ċentru għall-Interpretazzjoni, il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li se jservi bħala post kulturali u edukattiv li se joffri spazju lil artisti lokali u barranin biex jesebixxu l-arti tagħhom. Il-Ministru Zrinzo Azzopardi rrimarka li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi miexi bit-tħejjijiet biex isir ukoll proġett estensiv fil-pjazza tal-Imtarfa.

Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri qal li permezz ukoll tal-fondi Ewropej, qed naraw proġett fil-qalba tal-komunità tal-Imtarfa jieħu l-ħajja mill-ġdid. “Sodisfatt nara li b’dawn il-fondi mhux biss qed igawdu mill-ġmiel tat-torri tal-arloġġ u ċ-Ċentru għall-Interpretazzjoni, il-komunità tal-Imtarfa, iżda qed inpoġġu lil din il-lokalità fuq il-mappa turistika ta’ Malta b’attrazzjoni unika. Permezz tal-fondi Ewropej wettaqna proġetti fuq kull qasam; infrastruttura, edukazzjoni, saħħa u kultura. Wettaqna u se nkomplu nwettqu proġetti biex inżidu r-reżiljenza, l-iżvilupp sostenibbli, il-kompetittività, il-preservazzjoni ambjentali u l-koeżjoni soċjali,” qal il-Ministru Schembri.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo rrimarka li pajjiżna jrid jattira turiżmu matul is-sena kollha f’Malta, bħala żona turistika waħda. “Aktar ma niddiversifikaw ix-xelta li joffri pajjiżna, iżjed lokalitajiet li mhumiex tradizzjonalment turistiċi bħall-Imtarfa jgawdu mill-ġid li qegħdin noħolqu flimkien. L-investiment f’dan it-torri tal-arloġġ fl-Imtarfa ser jikkontribwixxi għal niċċa ġdida turistika, dik tal-military tourism,” kompla jgħid il-Ministru Clayton Bartolo.

Fid-diskors tiegħu, is-Sindku tal-Imtarfa, Kyle Mifsud, wera sodisfazzjon għat-tlestija ta’ dan il-proġett li kien ilu mistenni għal diversi snin. Is-sindku qal li din hija biss ħolqa minn kullana ta’ proġetti li hemm ppjanati f’din il-lokalità. “L-Awtorità tal-Ippjanar għadha kemm approvat proġett ta’ riġenerazzjoni tal-qalba tal-barracks fi spazju pedonali, filwaqt li bl-għajnuna tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi se tibda r-riġenerazzjoni tal-pjazza prinċipali fil-ġimgħat li ġejjin”. Is-Sindku Kyle Mifsud ħabbar ukoll li miexi l-proċess biex joħroġ ukoll it-tender għat-tisbiħ ta’ Pjazza Oswald.

Ekonomija

Sport