Saret l-inawgurazzjoni tat-tlestija ta’xogħol ta’ restawr fuq sett ta’ sitt pitturi ta’ Francesco Zahra – artist tas-seklu 18 li għalkemm qatt ma ħalla Malta tgħallem ħafna minn artisti Taljani fosthom Caravaggio. L-inawgurazzjoni saret mill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela ġewwa l-Knisja Parrokjali ta’ Santa Katerina z-Żejtun, permezz ta’ investiment ta’ €40 elf ewro, mill-Fond tad-Diplomazija Kulturali.
Grazzi għal dan il-proċess ta’ restawr is-6 pitturi ta’ Francesco Zahra li juru xeni mit-Testment il-Qadim reġgħu lura għal glorja artistika u kulturali li jistħoqqilhom u ser ikunu jistgħu jitgawdew mill-pubbliku fl-Oratorju tas-Sagrament fil-Knisja Arċipetrali taz-Żejtun.
Fid-diskors tal-okkażjoni l-Ministru Carmelo Abela tkellem kif dan il-proġett ta’ restawr, li ilu għaddej għal madwar sena, twieled meta huwa kien għadu jservi bħala Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ. Fi kliem il-Ministru, l-għan tal-programm tad-Diplomazija Kulturali huwa biex jinbnew pontijiet kulturali u ta’ ħbiberija bejn il-poplu Malti u popli ohra. Iżda mhux biss. Kif qed jintwera b’dan il-proġett, dan qed iservi ta’ pont bejn ix-xogħolijiet ta’ artisti Maltin, f’dan il-kaz ta’ Francesco Zahra u l-pubbliku inġenerali.
Abela fakkar kif l-iffirmar tal-ftehim għar-restawr kien sar fit-3 ta’ Ġunju 2019, ġewwa l-Oratorju tas-Sagrament, fejn dawn il-pitturi jkunu fuq bażi permanenti u l-iżżarmar tas-sitt pitturi beda f’Settemru tal-2019.
Francesco Zahra, li twieled fl-1710, kellu ħidma artistika kbira. Carmelo Abela hawn innota kif Francesco Zahra hu kkunsidrat bħala wieħed mill-iktar artisti prominenti tas-seklu tmintax f’Malta. Għandu stil uniku li ġie influwenzat minn Mattia Preti u Caravaggio, iżda mhux biss. Ix-xogħlijiet tiegħu fil-Barokk, Neopolitan, huma mxerrda f’ħafna knejjes f’Malta, f’mużewijiet u f’kollezzjonijiet privati.
Abela esprima li jinsab kuntent li r-restawr wassal biex il-glorja tal-pittura ta’ Francesco Zahra terġa’ tiġi riskoperta mill-ġdid.
Il-proċess ta’ restawr
Il-Ministru Carmelo Abela tkellem kif dan il-proġett se jkollu diversi riżultati pożittivi bħat-tkomplija ta’ ħidma biex ikompli jiġi valurizzat u promoss ix-xogħol ta’ dan l-artist prominenti Malti barra xtutna, f’dan il-każ fl-Italja. Filfatt, hu mahsub li dawn il-pitturi jigu esebiti f’wirja ġewwa Ruma, kif kien ippjanat oriġinarjament. Dan iżda ma seħħx minħabba ċ-ċirkustanzi attwali.
Żied jgħid li l-għan kien ukoll li permezz tal-konservazzjoni ta’ opri tal-arti nuru l-apprezzament lejn l-arti u nużawha bħala tieqa tat-talenti artistiċi ta’ wlied Malta u li jifformaw parti mill-identita’ Maltija.
Abela tkellem fuq il-proċess ta’ restawr u fakkar kif fl-aħħar sena, dawn il-pitturi tneħħew mill-post oriġinali tagħhom, jiġifieri mill-Oratorju tas-Sagrament fil-Knisja Arċipetrali taż-Żejtun u ittiehdu fi studio armat apposta fil-binja tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, gewwa Palazzo Parisio. Hemmhekk tim ta’ restawraturi, ghamlu x-xoghol ta’ restawr bir-reqqa wara li dawn l-opri kienu ġarrbu ħsara sostanzjali tul iż-żmien u li għaldaqstant kellhom bżonn urġenti ta’ intervent ta’ restawr.
Ix-xogħlijiet ta’ restawr saru taħt it-tmexxija tar-restawraturi Professur Sante` Guido u Giuseppe Mantella, restawraturi magħrufin u rispettati internazzjonalment, wara xogħlijiet ta’ restawr imwettqa kemm f’Malta, fl-Italja kif ukoll fl-Istat tal-Vatikan, fost l-oħrajn ta’ opri artistiċi importanti mill-inqas fl-aħħar 25 sena.
F’messaġġ li għadda permezz ta’ filmat, ir-restawratur Sante` Guido tkellem kif; “dan il-proġett ta’ Zahra twieled bħala proġett ta’ identità tal-kultura Maltija. Fl-istess ħin twieled ukoll bħala rappreżentant ta’ kultura li tista’ u jeħtieġ li tiġi esportata lejn il-bqija tal-Ewropa. Ghaldaqstant l-idea ta’ diplomazija kulturali rat fi Francesco Zahra l-artist ideali biex jirrapreżenta l-arti u l-kultura Maltija fil-bqija tal-Ewropa”. Żied jgħid li dan hu suġġett rari li jġib flimkien it-Testment il-Qadim u l-Ġdid, u anke mil-lat diplomatiku dan is-suġġett intgħażel għax jista’ jintuża.
Fuq il-proċess ta’ restawr huwa qal li “Ir-restawr kien interessanti ferm għax permezz tiegħu nkisbu lura l-kuluri oriġinali tal-kwadri, li jitwaqqaf xi telfien tal-kulur – fenomeni żgħar ta’ korrużjoni. Ippermetta wkoll li jinbnew mill-ġdid, li jingħalqu toqob, u ssir xi tiswija f’dawn il-kwadri”.
Il-Ministru Abela irringrazzja lis-Segretarji Permanenti tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u tal-Finanzi, lid-Diretturi u l-ħaddiema kollha nvoluti f’dan ix-xoghol kollu li sar. Irringrazzja wkoll lill-Arċipriet Dun Nicholas Pace, lil Dun Gino Gauci u lil dawk kollha li assistew sabiex din il-proġett isir realta’.
Ix-xeni mit-Testment l-Antik li huma murija f’dawn il-pitturi huma:
1. Melkisedek, Sultan ta’ Salem u Qassis ta’ El-gheljon joffri ħobż u nbid.
2. Mose’ juri lill-Iżraeliti fid-deżert il-manna nieżla mis-sema.
3. L-anġlu jordna lil Elija biex iqum u jitrejjaq bil-ħobż u l-ilma.
4. Gidghon iħejji l-ftajjar u l-laħam fuq il-blata kif ordnat mill-anġlu.
5. Noe’ flimkien ma’ martu u wliedu joffru sagrificcju wara d-dilluvju.
6. Is-Sultan David jiżfen quddiem l-Arka tal-Patt fi triqtha lejn Ġerusalemm.
L-inawgurazzjoni tar-restawr tas-sitt pitturi qed isir fis-sena fejn il-Parroċċa taż-Żejtun qed tiċċelebra it-300 sena mit-Tlestija u t-Tberik tal-Knisja Parrokkjali taż-Żejtun.