Wednesday, July 24, 2024

Inawgurat l-immodernizzar estensiv tal-Iskola Primarja tan-Nadur b’investiment ta’ aktar minn €6.3 miljun

L-istudenti u l-edukaturi fl-Iskola Primarja tan-Nadur qed igawdu minn ambjent edukattiv modern

Aqra wkoll

Minn din is-sena skolastika, 200 student u studenta u madwar 30 edukatur bdew igawdu minn ambjent edukattiv modern b’investiment ta’ aktar minn €6.3 miljun iffinanzjat taħt il-Programm NextGenerationEU permezz tal-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza ta’ Malta.

B’dan l-investiment, binja ta’ żewġ sulari li nbniet fil-bidu tas-Seklu Għoxrin, ingħatat dehra kompletament ġdida u ġiet modernizzata biex tilqa’ għall-ħtiġijiet edukattivi tal-lum. B’hekk l-iskola tan-Nadur issa għandha spazji edukattivi moderni, aċċessibbli u komdi għall-istudenti u għall-edukaturi.

L-inawgurazzjoni saret mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, Ugwaljanza, Riformi u Djalogu Soċjali Chris Fearne, mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li, “Waħda mill-prijoritajiet tal-Faċilità għall-Irkupru u Reżiljenza hi li binjiet kbar, inklużi dawk pubbliċi, f’Malta jsirilhom ix-xogħol neċessarju biex jagħmlu użu effiċjenti mill-enerġija. Ix-xogħlijiet fl-iskola tan-Nadur f’Għawdex, li kienu finanzjati mill-istess faċilità, wasslu biex din il-mira tintlaħaq u għalhekk din l-iskola, apparti li issa toffri ambjent isbaħ u iżjed modern lill-istudenti u l-għalliema, hija wkoll ħafna iżjed effiċjenti fl-użu tal-enerġija.”

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clifton Grima tkellem dwar l-investiment bla preċedent li qed isir fl-infrastruttura edukattiva permezz tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS). “Bl-investiment li qed nagħmlu fis-settur edukattiv, qed nimmodernizzaw l-ambjent li fih qed jieħdu l-edukazzjoni tagħhom it-tfal tagħna, u fejn qed jagħtu l-edukazzjoni l-edukaturi tagħna. F’Għawdex biss, qed isir investiment massiv f’dan il-qasam, fuq quddiem il-Kumpless Edukattiv tar-Rabat, li huwa l-uniku wieħed tax-xorta tiegħu u li fih qed ninvestu €18-il miljun. Fis-settur edukattiv għaddej xogħol kbir li permezz tiegħu qed nagħmlu trasformazzjoni anki permezz tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030,” qal il-Ministru Grima.

Il-Ministru Clint Camilleri spjega li “Matul l-aħħar sena konna għaddejjin b’ħidma ma taqta’ xejn fl-iskola primarja tan-Nadur, fejn għamilna rinnovar estensiv li wasslet għal faċilitajiet mill-aqwa u ferm aktar moderni u dan stajna nagħmluh bla ma ħriġna l-ebda student jew studenta mill-iskola. Qassamna x-xogħol f’fażijiet differenti u rnexxielna li, fl-istess ħin li t-tfal qed jitgħallmu hawnhekk, inwettqu dan kollu. Għaldaqstant, huwa ta’ sodisfazzjon li tara ‘l fuq minn 200 student jitgħallmu hawnhekk u jgawdu dan l-ambjent mill-isbaħ.” Huwa temm jgħid li l-Ministeru se jkompli jinvesti bis-sħiħ fl-infrastruttura edukattiva fil-gżira Għawdxija.

Apparti t-tisbiħ komplet tal-iskola minn ġewwa u minn barra, il-proġett inkluda d-disinn mill-ġdid tal-ispazji miftuħa u rikreattivi, kif ukoll il-ħolqien ta’ spazji ġodda għat-tagħlim ta’ suġġetti ekstrakurrikulari. Dawn jinkludu dance studio, music room, literacy room, theatre studio, u klassijiet għall-arti.

Parti importanti tal-proġett kienet li ġiet indirizzata l-aċċessibilità fil-binja biex din tkun skont il-liġi, filwaqt li fil-binja ġew introdotti wkoll miżuri effiċjenti tal-enerġija, kif ukoll kienu żviluppati aktar żoni fid-dell fl-ispazju rikreattiv fuq barra. L-iskola issa saret ukoll kważi carbon neutral, żdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, u tnaqqset id-domanda għall-enerġija b’minn tal-anqas 30%. Parti mill-proġett kien jinkludi l-installazzjoni ta’ servizzi ġodda, fosthom dawl, ilma, drenaġġ, CCTV, konnessjoni tal-internet, alarms, u servizzi ta’ fire safety.

Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-FTS Dr Neville Young, il-Prinċipal tal-Kulleġġ t’Għawdex Sean Zammit, u l-Kap tal-Iskola Mary Jane Camilleri.​​

Ekonomija

Sport