Tuesday, December 24, 2024

Inawgurat l-Ispazju Internazzjonali għall-Arti Kontemporanja ta’ Malta – MICAS

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura l-ewwel Spazju Internazzjonali għall-Arti Kontemporanja ta’ Malta, il-MICAS, fil-Floriana. Binja li hija mifruxa fuq medda ta’ erbat elef metru kwadru u li se tkun qed toffri spazji għall-esebizzjonijiet u installazzjonijiet artistiċi kontemporanji, kemm għall-artisti Maltin kif ukoll għal dawk internazzjonali. Dan il-proġett twassal b’investiment komprensiv ta’ €30 miljun.

Fl-indirizz tal-okkażjoni, il-Prim Ministru Robert Abela sostna kif il-ftuħ ta’ dan l-ispazju jissimbolizza l-progress kollettiv tal-pajjiż. “Li qed nirreferi għalih huwa l-progress li qed jaffettwa wkoll il-qasam kulturali tagħna frott il-ħidma tal-artisti bravi u innovattivi li għandna, id f’id mal-impenn tagħna bħala Gvern biex inkomplu nkattru u noħolqu kuxjenza fuq l-isbaħ elementi tal-identità Maltija,” sostna l-Prim Ministru hekk kif irrimarka li b’dan l-investiment il-Gvern qed ikompli jafda lill-artisti bl-identità ta’ pajjiżna.

Dr Abela tenna wkoll kif il-Gvern se jkompli jaġixxi favur il-qasam artistiku b’aktar investiment sabiex l-artisti jkollhom aktar pjattaformi u għajnuna biex jesponu t-talenti tagħhom. “Malta trid tkun ċentru fil-Mediterran għall-kreattività artistika. Dan il-kliem sostnejtu ftit taż-żmien ilu meta nedejna l-ewwel edizzjoni tal-Biennale.art u qed nerġa’ nirrimarkah illum b’iktar konvinzjoni għax nemmen fih tabilħaqq. Malta għandha tkun id-dar naturali tal-artisti,” qal Dr Robert Abela. Il-Prim Ministru rrimarka wkoll kif dan il-proġett estensiv ta ħajja ġdida lil żona fil-Floriana li jinsab fiha u b’hekk se jgħin ukoll jimbotta aktar turiżmu ta’ kwalità, b’mod partikolari dak kulturali.

Intant indirizza wkoll iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici li qal, “L-inawgurazzjoni tal-MICAS illum hija mument storiku li jirrappreżenta pass ieħor lejn il-bini ta’ Malta bħala ċentru ewlieni għall-arti kontemporanja u djalogi kulturali internazzjonali. Dan il-proġett ambizzjuż ta’ €30 miljun mhuwiex biss riżultat ta’ wegħda elettorali mwettqa, iżda hu simbolu ta’ kif l-arti tista’ ssaħħaħ is-soċjetà tagħna, billi tipprovdi spazji għall-kreattività u l-koeżjoni soċjali. MICAS se jservi bħala pjattaforma għat-talenti Maltin, Għawdxin, u internazzjonali biex jesebixxu xogħolhom, filwaqt li jsaħħaħ it-turiżmu kulturali f’pajjiżna.”

Ekonomija

Sport