Wednesday, December 10, 2025

Inawgurat l-Istitut tal-Informazzjoni u t-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni fl-MCAST b’investiment ta’ €14.5 miljun

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministri Clifton Grima u Stefan Zrinzo Azzopardi inawguraw il-binja l-ġdida tal-Informazzjoni u t-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni (IICT) fil-kampus ewlieni tal-MCAST f’Kordin. Il-binja, li tifforma parti mill-Pjan ‘Masterplan 2’ tal-MCAST, bdiet tintuża mill-istudenti fl-2024 u issa qed tkun uffiċjalment inawgurata b’investiment ta’ €14.5 miljun ko-finanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

Imqassam fuq 11,900 metru kwadru, dan l-istitut ġdid jinkludi 58 spazju ġdid ta’ tagħlim, fosthom 30 laboratorju tal-kompjuters, 16-il klassi, 5 laboratorji ta’ hardware, żewġ network labs, laboratorji ta’ game development, u spazji għar-riċerka inkluż fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali. L-istudenti għandhom ukoll faċilitajiet ta’ green screen, robotics lab u għadd ta’ faċilitajiet oħra moderni li juru il-varjetà ta’ suġġetti fl-ICT li l-MCAST qed joffri.

Matul iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru kellu l-opportunità jiltaqa’ ma’ studenti waqt il-lezzjonijiet tagħhom f’diversi laboratorji inklużi dawk tal-gaming, in-networking, tar-robotics u tar-Raspberry Pi. Dawn il-faċilitajiet ġodda qegħdin jagħtu esperjenza ta’ tagħlim prattiku filwaqt li jiffaċilitaw l-aċċess tal-istudenti għal tagħmir u teknoloġiji innovattivi li jsaħħu t-taħriġ tagħhom f’din l-industrija li qed tikber b’pass mgħaġġel.

F’kull sena, aktar minn elf student isegwu korsijiet marbutin mal-informazzjoni u t-teknoloġija tal-komunikazzjoni li jinkludu software development, iGaming, cyber security u computer networking. L-MCAST qed jipprovdi mixja edukattiva sħiħa li tibda minn livell bażiku u tasal sal-livell ta’ Masters, bil-għan li jħejji lill-istudenti għal karrieri ta’ kwalità.

Waqt din iż-żjara, il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif meta ninvestu fl-edukazzjoni, ma ninvestux biss fil-bini iżda fl-ambizzjoni u fil-futur tal-istudenti tagħna. “Dak li rajt hawn illum hu futur diġitali li qed jinbena minn uliedna,  l-mexxejja ta’ għada. Permezz ta’ dan l-investiment u oħrajn bħalu, juri kemm dan il-Gvern jemmen fit-talent tal-istudenti tagħna u se jibqa’ jagħti l-opportunità lil kulħadd biex jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu”, qal il-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru nnota wkoll kif dan l-investiment huwa parti minn direzzjoni olistika lejn il-Viżjoni Malta 2050 li tagħraf li l-aqwa opportunitajiet fil-qalba diġitali għandhom ikomplu jeħduhom iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Dr Abela semma wkoll l-investiment tal-Gvern li jkompli jinċentiva l-istudju fosthom biż-żieda ta’ 15% fl-istipendji u l-għotja sa €1,500 lill-ġenituri ta’ wlied li jkomplu jistudjaw wara l-edukazzjoni obbligatorja.

Dan il-proġett huwa parti minn investiment ta’ €32.9 miljun li jinkludi tliet binjiet ġodda f’dan il-kampus, kollha maħsuba biex isaħħu l-edukazzjoni, l-innovazzjoni u l-opportunitajiet għall-istudenti.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima saħaq li “Dan l-investiment mhux biss itejjeb l-esperjenza edukattiva tal-istudenti tal-ICT, iżda jsaħħaħ ukoll il-viżjoni tagħna li nibnu sistema edukattiva moderna u f’pass mal-ħtiġijiet tal-ekonomija diġitali. Bini bħal dan jagħti lill-istudenti tagħna l-aqwa ambjent fejn jitgħallmu, jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jippreparaw ruħhom għal karrieri ta’ suċċess f’settur li qiegħed dejjem jevolvi.”

Il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, tenna l-importanza li l-pajjiż ikompli jinvesti fl-edukazzjoni u fl-iżvilupp tal-ħiliet, b’mod partikolari fil-qasam tat-teknoloġija u l-ICT. Huwa saħaq li l-ftuħ tal-binja l-ġdida tal-IICT fl-MCAST huwa pass ieħor lejn il-bini ta’ ‘Malta tal-ħiliet’, li tipprepara lill-istudenti u lill-ħaddiema għal dinja diġitali li qiegħda tevolvi b’pass mgħaġġel.

“B’investimenti bħal dawn, qegħdin niżguraw li ż-żgħażagħ tagħna jkollhom l-aqwa ambjent, l-aktar teknoloġija moderna u l-ħiliet meħtieġa biex jirnexxu f’dinja li tinbidel kuljum. Din il-binja mhijiex biss struttura; hija wegħda li Malta se tkompli tibni fuq il-potenzjal tan-nies tagħha,” qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport