Wednesday, December 17, 2025

Inawgurat l-uffiċċju tal-Malta Community Chest Fund fil-Palazz Presidenzjali tal-Belt Valletta, wara proċess ta’ rinnovar

Aqra wkoll

Il-ħidma u l-kuntatt dirett tal-Malta Community Chest Fund mal-pazjenti u persuni li jkollhom bżonn l-għajnuna tagħha se terġa’ tkun offruta mill-uffiċċji tal-MCCF, parti mill-Palazz tal-President, fil-Belt Valletta.

Dan wara proċess ta’ ħidma ta’ tliet snin biex dawn l-uffiċċji ġew modernizzati u mgħammra b’faċilitajiet li joffru l-kumdità u l-privatezza neċessarja għal dawk kollha li jirrikorru hawn bit-talbiet tagħhom. Sakemm tlesta l-proċess ta’ rinnovar, il-Malta Community Chest Fund kienet qed toffri s-servizzi tagħha minn binja ftit metri ’l bogħod, ġentilment provduta mingħajr ħlas mill-Arċidjoċesi ta’ Malta għal dan l-għan.

L-uffiċċji li kienu inawgurati t-Tlieta filgħaxija, għandhom dħul minn Triq l-Arċisqof, il-Belt Valletta, u jinsabu fil-parti tal-Palazz bejn Strada Merkanti u Strada Rjali.

Minn hawn, il-pazjenti u l-familji se jkunu jistgħu jitkellmu direttament mal-uffiċjali tal-Malta Community Chest Fund, iressqu l-applikazzjonijiet tagħhom għall-għajnuna, kif ukoll jirċievu l-appoġġ ta’ professjonisti, fosthom social workers.

L-uffiċċji kienu inawgurati mill-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela, l-Arċisqof Charles J. Scicluna u l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Perici Calascione, li kien qed jirrappreżenta lill-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg.

Il-President Myriam Spiteri Debono fissret dawn l-uffiċċji bħala t-triq minn fejn in-nies jibdew isibu l-għajnuna, hekk kif din hi l-ewwel art fejn jirrikorru min jirċievi aħbar ħażina ta’ mard jew sfidi soċjali li jaffettwaw lilhom u lill-familji tagħhom.

Il-President irringrazzjat lit-tmexxija tal-Malta Community Chest Fund, fosthom lil Claire Micallef Pulè, li se tkun qed tmexxi dan l-uffiċċju, kif ukoll lill-uffiċjali u l-voluntiera li jassistu fl-operat ta’ dan l-uffiċċju u fl-operat tal-MCCF b’mod ġenerali.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li fil-mument diffiċli, il-poplu dejjem sab warajh il-Malta Community Chest Fund flimkien mal-Istat. Spjega li b’ħidma kollettiva tfisser Stat li tant jieħu ħsieb lilu nnifsu. Dr Abela rrefera għall-każ ta’ Sandro Vella, li l-Gvern u l-poplu Malti għadu kif għenu biex jieħu kura f’Singapore, dan wara li anki l-istess Vella ġie mgħejun mill-Malta Community Chest Fund. Qal li magħqud, il-poplu juri spirtu qawwi ta’ solidarjetà. Il-Prim Ministru spjega li iktar mill-binja innifisha rinnovata f’ambjent li jixraq, il-Malta Community Chest Fund twettaq ġid kbir taħt l-awspiċi tal-Presidenza. Huwa rringrazzja lil kull min jgħin f’kawżi ġusti biex nibqgħu solidali ma’ xulxin.

L-Arċisqof Charles J. Scicluna rringrazzja lill-President talli kompliet it-tradizzjoni ta’ solidarjetà tal-predeċessuri ta’ qabilha, fejn qed toffri post biex min hu mtaqqal isib wens u tama bil-għajnuna tas-soċjetà. Żied jgħid li japprezza l-impenn biex dan ikun post ta’ “għaqda u għożża mingħajr ma nħarsu lejn l-uċuħ imma nħarsu biss lejn il-qalb tal-bniedem u l-bżonn li jkollu. Il-Mulej ibierek kulma jsir hawn. Ibierek lill-benefatturi tal-Community Chest Fund u lil ħutna li għandhom bżonnijiet partikolari u għalhekk ikollhom jiġu hawn. Il-Mulej jagħtihom faraġ u barka.”

Min-naħa tiegħu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione faħħar il-ħidma kbira li twettaq il-Malta Community Chest Fund u qal li “l-għajnuna li tipprovdi l-MCCF tmur lil hinn mill-flus – għax tagħti kwalità ta’ ħajja aħjar lil ħafna nies fil-bżonn.”

Alex Perici Calascione qal li dawn l-uffiċċji ġodda mhumiex sempliċiment bini, imma huma spazju ta’ tama, dinjità u għajnuna. Waqt li sellem lill-amministrazzjoni, il-voluntiera u l-ħaddiema li taw kontribut biex twettaq dan il-proġett, appella biex il-Maltin u l-Għawdxin ikunu ġenerużi mal-MCCF, dakinhar ta’ L-istrina, fis-26 ta’ Diċembru.

Dan l-uffiċċju jiftaħ nhar ta’ Tnejn u Erbgħa, bejn id-9am u nofsinhar.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport