Sunday, October 27, 2024

Inawgurat laboratorju ġdid fid-Dipartiment tal-Akwakultura b’investiment ta’ €230,000

Aqra wkoll

Jinfetaħ uffiċjalment laboratorju ġdid, b’investiment ta’ €230,000, fid-Dipartiment tal-Akwakultura ġewwa t-Torri ta’ San Luċjan. Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said inawgurat dan il-laboratorju state of the art, li ħa jkun ċentru għar-riċerka tal-akwakultura.

Dan l-investiment huwa parti mill-Proġett Bythos ‘Biotechnologies for Human Health and Blue Growth’ fejn l-għan prinċipali tiegħu hu li jsiru studji xjentifiċi fuq il-potenzjal kummerċjali tal-fdalijiet tal-ħut wara li dawn ikunu ġew ipproċessati. Il-fdalijiet tal-ħut, inkluż dak mit-tkabbir tat-tonn, jinkludu karatterstiċi li jistgħu jiġu użati fl-industriji tal-farmaċewtika, tal-ikel u tal-kożmetika.

Ġie spjegat ukoll li l-iskart organiku li ma jkunx intuża għal dawn l-għanijiet imsemmijin jistgħu jiġu pproċessati f’għalf tal-ħut sabiex noqorbu aktar lejn operat li jnaqqas l-iskart. Dan jgħin lill-industrija biex tnaqqas l-impatt tagħha fuq l-ambjent.

“Dan il-proġett tal-lum huwa pass għaqli ieħor biex flimkien inkomplu nassiguraw li l-industrija Maltija tal-akwakultura tkun iktar sostenibbli, filwaqt li tipproduċi l-inqas skart possibbli. L-għan aħħari tagħna huwa li nkomplu ninvestu f’riċerka u innovazzjoni li tagħti imbuttatura l-għanijiet tal-ekonomija ċirkulari u s-sostennibbiltà tal-ibħra u r-riżorsi marittimi,” sostniet is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.

Hija sostniet li huwa kruċjali li jiġu mġedda u mmodernizzati faċilitajiet bħal dawn, b’tagħmir ġdid u modern, hekk kif dawn il-faċilitajiet se jkomplu jpoġġu lil Malta fuq il-mappa Mediterranja fejn tidħol ix-xjenza dwar l-akwakultura u t-tkabbir sostenibbli tagħha.

Is-Segretarjat Parlamentari se jkompli jaħdem ukoll sabiex jipprovdi opportunitajiet ta’ taħriġ, impjiegi u appoġġ lejn ir-riċerka għal studenti tal-MCAST, tal-Università ta’ Malta u istituzzjonijiet oħra, kif ukoll se jkompli jagħti l-appoġġ tiegħu fl-iżvilupp tal-industrija tal-akwakultura, biex iħajjar investiment lejn is-settur u jippromwovi t-tkabbir ekonomiku u sostenibbli.

Sport