Thursday, December 26, 2024

Inawgurat monument ġdid ta’ arti fi spazju pubbliku fil-Furjana bħala parti mit-tielet edizzjoni tal-programm ‘Arti fi Spazji Pubbliċi’

Aqra wkoll

L-impenn tal-gvern fit-tisbiħ ta’ spazji pubbliċi fil-komunitajiet f’pajjiżna jkompli permezz ta’ installazzjoni ta’ ‘Embryonic Horse’ mill-artist Rune Bo Jakobsen fil-Floriana, bħala parti mill-programm ta’ Arti fi Spazji Pubbliċi, organizzat mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.

Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia qal li sa issa ġew investiti ’l fuq minn nofs miljun ewro f’dan il-programm li jinsab fit-tielet edizzjoni tiegħu.

“Dan il-programm għandu l-għan li jżid l-aċċess għall-arti billi titrawwem kollaborazzjoni b’saħħitha bejn l-artisti u l-komunitajiet, filwaqt li jipprovdi pjattaformi għall-artisti biex juru xogħlijiet innovattivi u kreattivi fi spazji pubbliċi. Għaldaqstant inħares ’il quddiem sabiex aktar artisti japplikaw biex jikkollaboraw mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fl-edizzjoni li jmiss,” temm jgħid is-segretarju parlamentari.

L-arti li ġiet inawgurata fil-preżenza tal-artist Rune Bo Jakobsen hi parti mill-programm li jkopri l-perjodu 2022-2024.   Min-naħa tiegħu, l-artist qal li hu sodisfatt tal-opportunità, fejn il-kreattività u t-talent ta’ artisti bħalu qed jingħataw spazju pubbliku biex jiġu esibiti. L-istess artist kellu installazzjoni oħra fil-programm preċedenti  ta’ Arti Fi Spażi Pubbliċi bit-tema: ‘The Olive Twist’, u li kienet ġiet installata fiż-Żejtun. 

It-tema ta’ din l-installazzjoni ‘Embryonic Horse’ għandha sinifikat importanti għall-inħawi, fejn l-artist irnexxielu joħloq l-esperjenza tal-ħajja taż-żiemel mal-medda taż-żmien, partikolarment dik li hija marbuta mat-Torri tal-Ilma antik ta’ Wignacourt fejn kienu jixorbu ż-żwiemel.  Din l-installazzjoni turi żiemel tal-bronż jilgħab għall-kenn tas-siġar filwaqt li huwa imbennen fuq dahru.  L-edizzjoni li jmiss ta’ Arti fi Spazji Pubbliċi se tkopri s-snin bejn l-2025 u l-2027.

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-Kunsill Lokali tal-Furjana.

Ekonomija

Sport