Pitch tal-boċċi, l-ewwel tat-tip tiegħu f’Dar tal-Anzjani, ġie inawgurat mis-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea. Dan wara ħidma li saret mill-ħaddiema tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità bil-gwida professjonali tal-Federazzjoni Klabb tal-Boċċi.
Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, Dr Renzo Degabriele, u anzjani dilettanti residenti kemm fid-dar tal-anzjani tal-Imtarfa kif ukoll f’djar oħra madwar Malta.
Waqt l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett ingħatat attenzjoni partikolari għall-aċċessibbiltà biex anzjani li jkollhom diffikultajiet fiżiċi jkunu jistgħu jipparteċipaw f’dan l-isport, inkluż persuni li jużaw siġġu tar-roti.
Is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea ħabbar li hemm pjanijiet għal proġetti simili f’residenzi tal-anzjani oħrajn. “Dan il-pitch mhux biss se jippermetti lill-anzjani jilgħabu u jintegraw, imma se jgħin ukoll biex iħossuhom parti mill-komunità. Attivitajiet bħal dawn huma ta’ benefiċċju għall-anzjani kemm mil-lat fiżiku, psikoloġiku, kif ukoll soċjali. Qed nippjanaw aktar proġetti simili f’residenzi oħra biex aktar anzjani jibbenefikaw minn din l-inizjattiva,” stqarr is-Segretarju Parlamentari Agius Galea.
Proġetti bħal dan huma importanti għall-anzjani għaliex jipprovdu attività fiżika moderata li tgħin biex iżżomm l-anzjan attiv u joffri wkoll stimulazzjoni mentali peress li jeħtieġ konċentrazzjoni li jgħin biex jżomm l-moħħ attiv. Aspett importanti ieħor huwa l-opportunità għal soċjalizzazzjoni li dan l-isport jipprovdi, fejn ir-residenti jistgħu jinġabru flimkien u jibnu ħbiberiji ġodda. Dan l-isport joffri wkoll mod ta’ rilassament, li jkompli jtejjeb il-ħajja tal-anzjani.
Dan il-pitch se jintuża minn anzjani residenti fid-djar residenzjali, kemm fl-Imtarfa kif ukoll fi djar residenzjali oħra. Hemm pjan ukoll li dan il-pitch jintuża minn anzjani li għadhom attivi fil-komunità kif ukoll ġenerazzjonijiet oħra biex ikun hemm iktar integrazzjoni tar-residenti fil-komunità u kollaborazzjoni interġenerazzjonali. L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità se torganizza tournaments fejn anzjani mill-komunità kif ukoll residenti fi djar residenzjali jkunu jistgħu jintegraw u jieħdu gost flimkien.