Sentejn biss wara li ġġarraf parti mill-pont Morandi f’Ġenova, fl-aħħar sigħat ġiet inawgurata struttura ġdida tal-istess pont.
Il-pont il-ġdid ta’ madwar Kilometru ġie ddiżinjat mill-perit Renzo Piano u se jkun qiegħed jissostitwixxi l-istruttura preċedenti li fl-14 ta’ Awissu tal-2018 naqqxet isimha fl-istorja bħala wieħed mill-agħar diżastri ċivili fl-aħħar għexieren ta’ snin fl-Italja.
L-inċident li ħalla 43 vittma rriżulta li kien ikkawżat minn nuqqas ta’ ħarsien u tiswija fuq l-istess pont. Diversi uffiċjali responsabbli mill-infrastruttura ġew investigati b’rabta ma’ dan il-każ.
Is-Sindku ta’ Ġenova Marco Bucci f’parti mid-diskors tiegħu qal li dan il-pont huwa eżempju ta’ falliment fl-infrastruttura tal-pajjiż kif ukoll dimostrazzjoni ta’ dak li l-Italja kapaċi tilħaq b’determinazzjoni.