Sunday, November 24, 2024

Inawgurat proġett ġdid ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Bormla

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes inawgura proġett ġdid ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Bormla.

“B’investiment ta’ ftit inqas minn nofs miljun ewro, illum nistgħu ngħidu li minn binja abbandunata dawwarnieha f’proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali mill-isbaħ fil-qalba tal-komunità,” stqarr il-Ministru Galdes. Huwa spjega li sar xogħol estensiv sabiex ġiet irranġata din il-binja, kif ukoll ittella’ sular ġdid, sabiex f’din il-binja issa hemm tliet appartamenti ġodda ta’ akkomodazzjoni soċjali.

“Ninnota bi pjaċir li filwaqt li għamilna x-xogħol meħtieġ sabiex din il-binja terġa’ tingħata l-ħajja, żammejna wkoll il-karatteristiċi ta’ din il-binja antika, inkluż il-bir li nstab. Għaldaqstant, il-benefiċjarji se jgawdu mill-karatteristiċi awtentiċi li toffri l-lokalità ta’ Bormla”, kompla jispjega l-ministru.

Dan il-proġett, li sar b’kollaborazzjoni mal-Awtorità tad-Djar u Housing Maintenance and Embellishment Ltd, se joffri kwalità ta’ ħajja aħjar lill-benefiċjarji. L-istess proġett intlaqa’ tajjeb ferm mir-residenti tal-lokal, hekk kif illum minn binja abbandunata, qiegħda tingħata lura lill-komunità Bormliża binja b’estetika mill-isbaħ, u b’għan soċjali mill-iktar importanti.

“Dan il-proġett ikompli juri l-ħidma bla waqfien li qegħdin inwettqu sabiex nittrasformaw l-ispazji tagħna, f’assi li se jkunu ta’ ġid għas-soċjetà kollha. Proġett bħal dan ikompli juri r-rieda tagħna bħala gvern sabiex nibqgħu naħdmu favur akkomodazzjoni soċjali, affordabbli u dinjituża għall-poplu tagħna”, ikkonkluda l-ministru.

Sport