Bħala parti mill-kunċett ta’ arti fi spazji pubbliċi, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg inawgura proġett ta’ installazzjoni artistika fiż-Żejtun.
Il-Ministru Ian Borg qal li din l-inizjattiva, barra li tinċentiva l-kreattività tal-artisti lokali, toffri l-opportunità biex spazji pubbliċi fl-irħula u fl-ibliet tagħna jissebbħu b’dawn l-installazzjonijiet artistiċi.
“Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalina li nkomplu ninvestu f’dawn it-tipi ta’ proġetti li permezz tagħhom qegħdin anke nġeddu u nfakkru tradizzjonijiet differenti madwar pajjiżna li jkomplu jagħtu aktar ħajja lil-lokalitajiet tagħna, li wara kollox huma l-qofol tal-istorja ta’ pajjiżna”, qal il-Ministru Borg.
Il-proġett ‘Olive Twist’ hu xogħol l-artist u arkitett Daniż, Rune Bo Jakobsen, u hu wieħed minn sitt proġetti li kienu ntgħażlu wara kompetizzjoni pubblika msejħa ‘Arti fi Spazji Pubbliċi’.
Dan ġie żviluppat bħala proġett tal-komunità fiż-Żejtun, b’koordinazzjoni mill-kunsill lokali, minn Wirt iż-Żejtun u mill-Malta Unesco Youth Association (MUYA). L-idea ewlenija tal-artist hi li jesprimi r-rabta li ż-Żejtun għandu mat-tradizzjoni tal-għasir taż-żejt taż-żebbuġ. Il-forma tal-iskultura hi ispirata mill-forom organiċi tas-siġar taż-żebbuġ li għandhom rabta kbira mal-kultura u mal-istorja ta’ dan ir-raħal.