Sunday, December 21, 2025

Inawgurat proġett ta’ estensjoni u rinnovar fl-iskola St Joseph Mater Boni Consilii ta’ Raħal Ġdid

Aqra wkoll

Proġett ta’ estensjoni u rinnovar ġie inawgurat il-Ġimgħa 12 ta’ Diċembru fl-iskola St Joseph Mater Boni Consilii St Joseph ta’ Raħal Ġdid. Dan il-proġett, li sewa ftit aktar min nofs miljun ewro kien kollu ffinanzjat mill-ġenituri permezz tad-donazzjonijiet tagħhom matul is-snin, mis-Sorijiet ta’ San Ġużepp u bl-appoġġ tal-bord of governors. 

F’kelmtejn ta’ introduzzjoni, il-kap tal-iskola Dr Kenneth Vella beda billi rringrazzja lill-ġenituri, lis-Sorijiet ta’ San Ġużepp u l-bord tat-tmexxija tas-sapport tagħhom. Hu qal li kien iħossu kburi li finalment dan il-proġett sar realtà u huwa xhieda tal-impenn u l-appoġġ tal-ġenituri matul is-snin lejn l-iskola permezz tal-kontribuzzjonijiet tagħhom. 

“Għalkemm l-iskola tagħna hija żgħira fid-daqs u bi storja li tmur lura 125 sena għandha l-faċilitajiet kollha li hemm bżonn għat-tagħlim. Matul is-snin fost l-oħrajn investejna f’sistema ta’ pannelli solari, il-klassijiet tagħna huma kollha bl-arja kundizzjonata filwaqt li l-bitħa ewlenija hija mgħottija b’tinda kbira li tagħmilha possibbli li jsir użu minnha kemm fix-xemx u anki fix-xita. Dan kollu bis-sapport tas-Sorijiet u tal-ġenituri,” tenna Dr Vella.

Hu żied jgħid ukoll li dan il-proġett ta’ estensjoni u rinnovar inkluda l-bini ta’ laboratorju ġdid tax-xjenza, kamra multisensorjali għal tfal bi bżonnijiet speċjali, kamra tar-risorsi, kamra li tintuża minn terapista tal-vuċi u uffiċji. Barra dan ġie mmodernizzat ukoll il-gym tal-iskola b’art ġdida, il-ġnien fejn fih tpoġġa wkoll ħaxix sintetiku u z-zona li tintuża għal logħob mit-tfal tal-kinder.  Dan kollu jikkonferma li l-kontribuzzjonijiet mogħtija mill-ġenituri matul is-sena jerġgħu jiġu ri-investiti mill-ġdid fl-iskola stess għal benefiċċju tal-istudenti. 

Min naħħa tiegħu, iċ-chairman tal-bord of governors, is-Sur Austin Walker feraħ lit-tmexxija tal-iskola għal dan it-tragward importanti u kkonferma li l-bord hu dejjem lest biex jappoġġja kemm jista lill-iskejjel fi ħdanu ħalli dawn jimxu l-quddiem. Hu fakkar ukoll li dawn l-iskejjel ta’ San Ġużepp jeżistu wkoll anki grazzi għal ħidma kontinwa tas-Sorijiet matul is-snin. Hu għalaq l-intervent tiegħu billi sostna li hu konvint li dan mhux se jkun l-aħħar proġett li se jsir f’din l-iskola f’Raħal Ġdid.

Finalment , Sister Denise Vassallo, Superjur Provinċjali tal-kommunita’ tas-Sorijiet ta’ San Ġużepp fl-Ewropa irringrazzjat lill-kap tal-iskola u l-kommunita’ tal-iskola talli jimxu dejjem fuq it-twemmin u l-kariżma tal-Fundatriċi Sant’ Emilia De Vialar u tal-opportunitajiet li qiegħed toffri lill-istudenti. Hi tenniet li f’din l-iskola dejjem osservat il-kollaborazzjoni li teżisti bejn l-iskola, l-istudenti u l-ġenituri.

Finalment Sister Denise Vassallo kixfet irħama kommemorattiva li tbierket minn Fr Leonard Mintoff.  

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport