Sunday, December 22, 2024

Inawgurat santwarju ġdid għall-qtates abbandunati b’investiment ta’ €150,000

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, inawgura santwarju ġdid għall-qtates abbandunati fiż-żona tal-Għammieri, li sar b’investiment ta’ €150,000.

F’konferenza tal-aħbarijiet, id-Direttur għall-Ħarsien tal-Annimali Patricia Azzopardi spjegat li dan is-santwarju jesa mal-150 qattus. Dawn il-qtates ħafna drabi jiġu miġbura mill-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali u jkunu abbandunati, feruti jew salvati mit-toroq. F’dan is-santwarju se jkun hemm żona apposta għall- iżolament ta’ qtates morda u post ieħor fejn jiġu kkurati mill-veterinarji.

Il-Ministru Anton Refalo rrimarka li permezz ta’ din l-inawgurazzjoni, il-gvern qed ikompli jżomm kelmtu hekk kif dan is-santwarju huwa miżura li ġiet imħabbra fil-Baġit. “Bħala ministeru qed naraw li nsaħħu u ntejbu l-infrastruttura biex il-qtates u annimali oħra li ġew abbandunati fit-toroq jingħataw saqaf u post adegwat fejn jingħataw il-kura”, spjega l-ministru waqt li elenka bosta miżuri oħra li qed iwettaq il-gvern fil-qasam tal-ħarsien tal-annimali.

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said saħqet li dan il-proġett huwa biss pass wieħed mill-ħidma kontinwa tal-gvern f’dan is-settur. “Is-sejħa għal spazju ikbar għall-qtates kienet ilha tinħass għal diversi snin. Kuntenta li llum il-gvern qiegħed iwettaq din il-ħolma tad-diversi esponenti involuti f’dan is-settur, f’proġett li ser ikun ta’ għajnuna ikbar għas-snin li ġejjin.”

Fil-jiem li ġejjin se jkompli l-proċess biex jiġu trasferiti l-qtates kollha miż-żona l-antika wara li jiġu invistati mill-veterinarji tad-Direttorat u b’hekk jiġi żgurat li huma fi stat ta’ saħħa tajba biex jitħalltu ma’ qtates oħrajn fis-santwarju l-ġdid. Il-gvern huwa impenjat ukoll li jkompli jagħti l-appoġġ finanzjarju lil għaqdiet mhux governattivi, kif ukoll lid-diversi santwarji tal-annimali f’pajjiżna.

Ekonomija

Sport