Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi flimkien mas-Sindku tan-Naxxar, Anne Marie Muscat Fenech Adami, inawguraw ir-rinnovazzjoni ta’ spazju miftuħ magħruf bħala Ġnien ta’ Santa Marija tal-Anġli f’Baħar iċ-Ċagħaq, fil-limiti tan-Naxxar.
Dan l-ispazju miftuħ iservi bħala ċentru rikreattiv għall-komunità kif ukoll għall-familji li jżuru dan il-post. F’dan il-ġnien sar xogħol ta’ manutenzjoni fiż-żona ta’ rikreazzjoni għat-tfal; tqiegħed pavimentar ġdid; ġew installati dwal ġodda li huma aktar effiċjenti u li jikkunsmaw inqas enerġija; u ġiet installata wkoll sistema ġdida ta’ kameras tas-sigurtà. Barra minn hekk, sar xogħol estensiv ta’ manutenzjoni fuq l-ilqugħ ta’ sigurtà li jdawwar parti mill-post, dan bil-għan li jiġu evitati atti ta’ vandaliżmu f’din iż-żona.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi rringrazzja lill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għall- ħidma tagħhom biex dan il-ġnien ingħata dehra isbaħ u fl-istess waqt huwa aktar sigur għall-pubbliku. Huwa stqarr kif proġetti bħal dawn huma xhieda tal-mod għaqli kif il-Gvern juża’ r-riżorsi kollha tiegħu biex ikun ta’ spalla għall-kunsilli lokali sabiex jitwettqu proġetti fil-qalba tal-komunitajiet tagħna.
Min-naħa tagħha, is-Sindku Anne Marie Muscat Fenech Adami wriet l-apprezzament tagħha lejn il-ħaddiema kollha li wettqu dan il-proġett. Hija kompliet li, wara snin ta’ telqa u atti ta’ vandaliżmu, dan il-ġnien issa jista’ jerġa’ jibda jitgawda mill-pubbliku.
Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, il- Perit Stephen Bonello, flimkien ma’ diversi periti u ħaddiema mid-dipartiment li ħadmu fuq dan il-proġett.