Friday, December 27, 2024

Inawgurat sqaq pedonali fl-Isla li sar minn fondi miġbura mit-taħrikiet

Aqra wkoll

Sqaq li ma kienx f’kundizzjoni tajba u li kien jintuża għall-vetturi, issa nbidel f’wieħed pedonali għat-tgawdija tar-residenti ta’ Triq Sant’Anġlu fl-Isla.

Waqt żjara mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri u mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, tfisser li kienet ix-xewqa tar-residenti ta’ din it-triq li jkollhom spazju miftuħ u pedonali ħieles mit-tniġġis.

Il-Ministru Byron Camilleri qal li fiż-żmien li ġej aktar kunsilli lokali se jkomplu jwettqu aktar proġetti tanġibbli f’diversi lokalitajiet li minnhom se jgawdu r-residenti Maltin u Għawdxin.

“L-aġenzija LESA qed tibqa’ tkun strumentali sabiex isiru diversi proġetti fil-qalba tal-komunitajiet. F’dan il-proġett, flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Isla, rajna li din iż-żona tissebbaħ anke permezz ta’ pavimentar ġdid li fl-aħħar mill-aħħar qed jitgawda mhux biss mir-residenti ta’ din it-triq, iżda wkoll mir-residenti kollha tal-Isla,” qal il-Ministru Camilleri.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret lill-Kunsill Lokali tal-Isla li għamel użu tajjeb minn dawn il-fondi addizzjonali biex jindirizza bżonn fil-lokalità.

“Toroq pedonali jeliminaw il-periklu tal-karozzi u joħolqu spazji miftuħa, aktar siguri u aċċessibbli għar-residenti kollha, filwaqt li joffru arja aktar nadifa u ambjent aktar trankwill li jgħin fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja tar-residenti fiż-żona u tal-madwar.”

Is-Sindku tal-Isla Clive Pulis qal li, “Wara diversi laqgħat li kellna mar-residenti ta’ Triq Sant Anġlu, il-kunsill lokali applika għall-fondi mil-LESA biex jagħmel dan il-proġett ta’ żona pedonali. Qabel dan l-isqaq kien aċċessibbli għall-karozzi imma b’diskussjoni mar-residenti, l-isqaq issa sar aktar aċċessibbli għalihom u għat-tfal f’din iż-żona.”

Ix-xogħlijiet ta’ pavimentar kif ukoll servizzi ġodda saru mill-Kunsill Lokali tal-Isla b’investiment ta’ madwar €40,000 parzjalment iffinanzjati minn fondi tal-LESA.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Mario Fava, u l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija LESA, Svetlick Flores.

Ekonomija

Sport