Sunday, January 19, 2025

Inawgurat St. Michael Hospice – l-ewwel faċilità għall-kura paljattiva frott investiment mill-NDSF u fondi Ewropej

Aqra wkoll

Ġie inawgurat l-ewwel kumpless għall-kura paljattiva f’pajjiżna ta’ Hospice Malta. Il-kumpless St. Michael’s Hospice tlesta fosthom frott investiment ta’ madwar €9 miljun mill-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali, l-NDSF u fondi Ewropej.

Dan l-investiment fil-proġett se jwassal biex madwar l-1,500 pazjent u familja li taħdem magħhom Hospice Malta jingħataw kura paljattiva aħjar u b’dinjità aktar li tixraq f’dan il-kumpless li se joffri għadd ta’ servizzi fosthom minn psiko-terapisti. F’dan il-kumpless anki se jingħata taħriġ lill-professjonisti fil-qasam tal-kura paljattiva. Is-servizzi komprensivi li se jingħataw se jgawdu minnhom persuni li ma jibqgħux jirċievu kura fl-isptarijiet u ma jistgħux jgħixu fir-residenzi tagħhom. F’dan il-kumpless hemm fil-fatt ukoll ġnien aċċessibbli li joffri serenità lill-pazjenti u l-familji tagħhom f’fażi delikata fil-ħajja tagħhom.

F’indirizz li għamel, il-Prim Ministru Robert Abela fisser il-ħidma ta’ Hospice Malta bħala waħda importanti u li tempatizza ma’ tant familji. Qal li l-qagħda ekonomika b’saħħitha ta’ pajjiżna trid tkompli sservi ta’ ġid għal proġetti soċjali bħal dak ta’ Hospice li l-Gvern appoġġja bis-saħħa permezz tal-NDSF u l-fondi allokati minn fondi Ewropej.

“Malta li nemmen fiha hi Malta li tagħder u li turi l-imħabba. Malta fejn kull familja hi importanti u tkun ta’ spalla quddiem mumenti ta’ sfida. Fil-mument tal-bżonn nassigura lil dawk il-familji, li se jibqgħu jsibu Gvern warajhom u magħhom biex jagħti l-għajnuna”, saħaq il-Prim Ministru Robert Abela. Żied jgħid li l-għaqdiet mhux governattivi għandhom jibqgħu jsibu fil-Gvern sieħeb importanti biex iwettqu l-ħolm tagħhom favur is-soċjetà.

Il-Prim Ministru nnota li lil hinn mill-finanzjament, dan il-proġett jirrikonoxxi li persuna ħaqqha ħtiġijiet u appoġġ emozzjonali f’ambjent kalm u li jirrispetta l-istadji kollha tal-ħajja tal-persuna. Dr Abela temm jawgura iktar ħidma importanti mwettqa minn Hospice u nnota kif dan l-investiment sar frott ukoll ħidma konġunta bejn l-Istat u l-Arċidjoċesi ta’ Malta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport