Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri flimkien mal-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici fetħu l-uffiċċju l-ġdid tal-LGBTIQ+ Gozo fir-Rabat, Għawdex. L-uffiċċju, imsemmi Qawsalla Hub, se jkun qed jospita lil din l-istess organizzazzjoni u jipprovdi lill-membri Għawdxin tal-komunità LGBTIQ+ aċċess għal diversi servizzi.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li l-uffiċċju “huwa investiment dirett mill-Ministeru għal Għawdex lil kull resident Għawdxi. Permezz ta’ dan l-uffiċċju se nkunu qed niffaċilitaw servizzi mingħajr ħlas bħal ngħidu aħna fejn isir counselling, taħriġ u fejn jiltaqgħu gruppi soċjali bħall-youth club.”
Il-Ministru Camilleri kompla jgħid li dan huwa Gvern li bil-fatti jemmen fl-ugwaljanza u fid-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+, b’ħafna mid-drittijiet ċivili jinkisbu fl-aħħar snin taħt dan il-Gvern u għalhekk huwa l-unika assigurazzjoni għad-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ+. Hu qal li dan l-uffiċċju huwa xhieda oħra ta’ kemm dan il-Gvern ipoġġi fuq quddiem nett l-interessi ta’ kulħadd, ta’ kemm dan il-Gvern iwiegħed dak li jwettaq.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Owen Bonnici wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-kisbiet li għamel pajjiżna tul dawn l-aħħar għaxar snin fil-qasam tad-drittijiet għall-persuni LGBTIQ+ u spjega li issa huwa dmirna li nkomplu nibnu fuq dawk il-kisbiet, anke permezz ta’ servizzi bħal dawk li se jingħataw minn dan l-uffiċċju li se jkomplu jipprovdu sapport lill-persuni LGBTIQ+.
“Importanti li pajjiżna juża l-kisbiet li għamel f’dan il-qasam sabiex ikun ta’ eżempju anke’ għal pajjiżi oħra, li għadhom m’għarfux iħaddnu d-diversità u għadhom jiddiskriminaw kontra persuni LGBTIQ+. Fl-istess waqt, huwa kruċjali li fl-ebda mument ma nieħdu l-valur tal-ugwaljanzafor granted, iżda nibqgħu nsostnuh ġurnata wara l-oħra,” qal il-Ministru Bonnici.
Fid-diskors tiegħu, Eman Borg, Koordinatur tal-LGBTIQ+ Gozo qal li “bit-tema inti inkluż ukoll, illum qed naraw il-frott ta’ ħidma li LGBTIQ+ Gozo ilu jwettaq għal dawn l-aħħar 6 snin. Ħidma fejn l-identitajiet ta’ kull individwu, anke dawk Għawdxin bl-identità reġjonali, huma inklużi b’mod sħiħ fiċ-ċelebrazzjoni ta’ pride f’Malta. Dan huwa frott ta’ numru ta’ attivitajiet soċjali, servizzi professjonali u proġetti li sawru lil din l-għaqda bħala pjattaforma ewlenija fil-gżira Għawdxija għal kull min jgħix f’Għawdex. U waqt li llum niċċelebraw, inkomplu nsostnu l-ħidma biex kull identità tkun inkluża f’kull aspett tas-soċjetà, u nwegħdukom li l-bibien ta’ LGBTIQ+ Gozo jibqgħu miftuħin kif kienu fil-passat.”
Huwa rringrazzja wkoll lill-Ministeru għal Għawdex li fl-aħħar snin wera impenn kbir biex isir dan l-uffiċċju li kien meħtieġ biex jiġu ffaċilitati servizzi u avvenimenti taħt saqaf wieħed.
Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li Għawdex qed jipprepara wkoll għall-Euro Pride 2023 u f’Għawdex il-faċċata tal-Ministeru għal Għawdex inxtegħlet ukoll bil-kuluri tal-Qawsalla.
Il-helpline 99356622 tal-LGBTIQ+ Gozo huwa one-stop-shop b’kull tip ta’ servizzi ta’ support li huma konnessi ma’ counsellor professjonali li permezz ta’ means testing jirreferi lill-individwu għand il-professjonisti meħtieġa li jaħdmu mal-organizzazzjoni.