Wednesday, November 20, 2024

Inawgurat uffiċjalment il-bastiment P71

L-akbar investiment fil-Forzi Armati ta’ Malta

Aqra wkoll

Ġie inawgurat il-bastiment tal-Forzi Armati, il-P71, li ser jagħti kapaċitajiet ġodda u aħjar lill-Forzi Armati ta’ Malta. Il-P71 issa hija l-akbar opra tal-baħar tal-iskwadra marittima b’tul ta’ 75 metru u toqol ta’ 2,200 tunnellata.

L-għan ta’ dan il-proġett hu li jitkompla t-tisħiħ tal-fergħa navali tal-Forzi Armati Maltin kif ukoll biex tissaħħaħ l-għassa mal-fruntieri marittimi Maltin għal-ħinijiet twal, filwaqt li jkun hemm kapaċitajiet aħjar għall-protezzjoni tal-fruntiera Maltija.

Il-Ministru Byron Camilleri qal li dan l-investiment juri r-rieda tal-gvern li jinvesti fil-qasam tas-sigurtà f’pajjiżna u hija wegħda elettorali oħra li twettqet. Il-bastiment ser ikollu ekwipaġġ ta’ 40 persuna u se jkun kbir biżżejjed biex jakkomoda mal-20 suldat ieħor f’każ ta’ operazzjonijiet barra minn xtutna. Camilleri saħaq li din is-sena se jissokta l-investiment mhux biss f’għodod moderni u tal-ogħla livell, iżda se jkomplu jiġu msaħħa l-kundizzjonijiet tas-suldati.

Min-naħa tiegħu, l-Ministru Silvio Schembri qal li permezz tal-fondi Ewropej, mil-lum pajjiżna se jkun f’pożizzjoni aħjar biex jiddefendi l-ibħra territorjali tiegħu. Fakkar li dan kien proġett ewlieni mill-Fond għas-Sigurtà Interna 2014-2020.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li l-P71 huwa investiment ta’ aktar minn €53 miljun, parzjalment iffinanzjata minn Fondi Ewropej, mill-Fond għas-Sigurtà Interna – Fruntieri u Viżi.

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati, il-Brigadier Clinton O’Neill u kif ukoll rappreżentanti mill-uffiċċju tekniku Spanjol Cintranaval Ship Design u l-kumpanija Taljana Cantiera Navale Vittoria li bniet dan il-bastiment.

Sport