Sunday, November 24, 2024

Inawgurat uffiċjalment il-proġett ta’ Triq l-Imġarr, in-Nadur, arterja prinċipali b’tul ta’ 1km

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri inawgura uffiċjalment il-proġett ta’ Triq l-Imġarr, in-Nadur, arterja prinċipali b’tul ta’ kilometru li nbniet mill-qiegħ bi struttura kumplessa minħabba t-terran tafli li tinsab fih. 

Ix-xogħlijiet f’din it-triq kienu jirrikjedu strutturi speċjalizzati ta’ retaining walls kif ukoll sistema ta’ piles u kolonni sabiex it-triq setgħet tinbena fuq bażi stabbli ġot-tafal.

Dan il-proġett kien jinkludi l-bini mill-ġdid tat-triq, sistemi miżjuda ta’ sigurtà fit-triq biex jonqos ir-riskju tal-aċċidenti, il-bini mill-ġdid tar-retaining walls u ħajt tas-sejjieħ u faċilitajiet oħra sabiex is-servizzi neċessarji jgħaddu minn taħt it-triq.

Il-Ministru Camilleri fakkar li din ma kinitx l-unika triq li saret tul dan il-proġett, hekk kif saret ukoll triq Sant’Antnin, b’tul ta’ 800 metru, li mill-Imġarr twassal għall-junction il-ġdida li nbniet u li tgħaqqad il-Qala, in-Nadur u Għajnsielem u saret ukoll Triq iż-Żewwieqa b’tul ta’ 1.2 kilometri li serviet ta’ triq alternattiva waqt li kienu qegħdin isiru x-xogħlijiet fi Triq l-Imġarr.

F’dawn it-toroq inbidlu s-servizzi kollha tal-ilma u tad-drenaġġ li kienu preżenti u nbnew meded twal ta’ service culverts, inbniet ukoll sistema ġdida ta’ stormwater culverts sabiex tilqa’ għal volum ta’ ilma tax-xita li jinżel f’Għajnsielem mill-Qala u min-Nadur. 

“Preżentement għaddejjin xogħlijiet fuq żewġ toroq oħra fil-madwar Triq it-28 ta’ April il-Qala kif ukoll Triq il-Ħamri f’Għajnsielem. Għaldaqstant, permezz ta’ dan il-proġett kumpless qegħdin nagħtu links ġodda mill-Imġarr għan-naħa tal-Lvant tal-gżira. B’dawn il-proġetti kollha, f’din in-naħa tal-gżira se jkunu saru mill-ġdid aktar minn 3.5km ta’ toroq prinċipali u distributorji,” stqarr il-Ministru.

Il-Ministru Camilleri temm jgħid li fil-ġimgħat li ġejjin se titħabbar aktar rikostruzzjoni ta’ toroq importanti sabiex tkompli tissaħħaħ l-infrastruttura fil-gżira Għawdxija.

Sport