Monday, December 23, 2024

Inawgurat xogħol ta’ restawr fuq żewġ pitturi fil-Bażilika tal-Għarb Għawdex

Aqra wkoll

Tlesta il-proġett ta’ konservazzjoni u restawr fuq żewġ pitturi kbar li jinsabu fil-Bażilika tal-Viżitazzjoni tal-Verġni Marija fl-Għarb, Għawdex. Ix-xogħol ta’ restawr, li jammonta għal €40,000 b’ko-finanzjament ta’ 80% minn fondi tal-Unjoni Ewropea, ġie inawgurat mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett. Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-leader tal-proġett, Noel Formosa, l-Arċipriet Dun Trevor Sultana u s-Segretarju Amministrattiv tal-Curia f’Għawdex, Anthony Bezzina.

Permezz ta’ dan ix-xogħol ta’ restawr, li għalih ikkontribwixxew ukoll il-parruċċani, tnaddaf il-kwadru tal-altar mill-artist Portugiż tas-seklu 17, Emanuel Pereira, impitter fl-1688 u li juri l-Verġni tar-Rużarju, flimkien mal-gwarniċ li tinsab fih il-pittura. Tnaddaf ukoll il-kwadru tal-artal, attribwit lill-iskola ta’ Mattia Preti (seklu 17), li juri l-Verġni u l-Bambin mal-Erwieħ fil-Purgatorju. Dan għaliex mal-medda tas-snin, iż-żewġ pitturi kienu esposti għal livelli għoljin ta’ elementi u ġew fi stat ta’ deterjorament.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal kif minbarra l-għan ewlieni ta’ tisbiħ u konservazzjoni li jagħtu ġieħ lil dawn l-opri t’arti, bl-għajnuna ta’ fondi Ewropej qegħdin iżidu wkoll il-valur tal-prodott turistiku Malti.

“Hija ta’ prijorità għal dan il-Gvern li tibqa’ titjieb il-kompetittività ta’ Għawdex fis-settur tat-turiżmu permezz tal-promozzjoni, il-protezzjoni u l-preservazzjoni ta’ assi naturali, kulturali u storiċi, li huma maħsuba biex itejbu aktar l-esperjenza tat-turiżmu kulturali Għawdxi, filwaqt li jiġġeneraw ukoll aktar influss turistiku lejn din il-gżira,” temm Dr Bonett.

Il-Ministru Clint Camilleri qal li, “Ir-restawr tal-wirt kulturali u storiku fil-gżira Għawdxija huwa importanti kemm sabiex nippreservaw il-wirt li ħallewlna missirijietna kif ukoll biex inkomplu nattiraw turist ta’ kwalità li jiġi f’pajjiżna proprju biex igawdi dan il-wirt.” Huwa tenna li dan ir-restawr seta’ jkun possibbli grazzi għal ko-finanzjament ta’ fondi Ewropej. Il-Ministru Camilleri temm jgħid li jħares ’il quddiem għal aktar ħidma sabiex Għawdex ikompli joffri esperjenza rikka u unika lil dawk li jżuruh.

Dan ir-restawr huwa parti minn sensiela ta’ restawr li saru taħt il proġett ERDF.05.102 – It-tisħiħ tal-patrimonju kulturali ekkleżjastiku u artistiku ta’ Għawdex għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. Proġett li sewa €2.24 miljun, u li minnu ġew allokati €1.7 miljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, taħt il-programm tal-Assi Prijoritarju 5. Dan il-programm huwa ddedikat għall-ħarsien tal-ambjent b’enfasi fuq l-investiment f’assi naturali u kulturali.

Ekonomija

Sport