Saturday, December 28, 2024

Inawgurata airbag ġdida fil-faċilitajiet tal-BMX

Aqra wkoll

Dan l-aħħar saret l-inawgurazzjoni tal-airbag ġdida fil-faċilitajiet tal-BMX Malta li hemm fuq barra f’Pembroke. Din iż-żieda tant mistennija ta’ tagħmir għall-Assoċjazzjoni kienet ferm importanti għal membri attivi li issa jkunu jistgħu jaqbżu minn fuq ir-rampa tat-tlugħ u jipprattikaw manuvri ġodda li konsegwentement jinżlu fuq din il-borża ta’ l-arja sabiex ma jweġġgħux lilhom infushom fil-proċess tal-perjodu tat-tagħlim. Din it-tgħamir sportiv ser ikun strumentali fil-progressjoni tagħhom u li fuq kollox jakkwistaw dik l-esperjenza meħtieġa għal meta jiġu biex jikkompetu barra minn xtutna.

Fl-istess okkażjoni kien ippreżentat it-tim ta’ riders tal-BMX li bejn is-17 u l-21 ta’ Mejju li ġej ser jieħdu sehem fil-Logħob tal-FISE Montpellier fi Franza. Dawn huma Francesco Fenech Conti, Zac Zammit, David Aldana, Julian Gonzalez u Mathias Mangion.

Dan il-Festival Internazzjonali tal-Isports Estrem (FISE) huwa wieħed mill-aktar avvenimenti epiċi ta’ sport ta’ azzjoni fid-dinja. Kompetituri minn madwar id-dinja jikkompetu fi skateboard, BMX Freestyle, skateboarding tat-triq, mountain bike, wakeboard u inline skate, BMX flatland, parkour u break dance. Dan huwa t-tieni l-akbar avveniment sportiv b’xejn fi Franza wara t-Tour de France.

Il-President u Fundatur tal-BMX Malta, John Zammit qal li din hija ġurnata oħra storika bl-inawgurazzjoni tal-airbag li kienet iffinanzjata mill-Assoċjazzjoni tal-BMX Malta u Sport Malta.  Huwa temm jirringrazzja lill-istess żewġ entitajiet, kif ukoll lil Red Bull u Alberta Malta u lil dawk kollha li taw is-sehem tagħhom għas-suċċess ta’ din l-attivita’.

Ekonomija

Sport