Saturday, December 28, 2024

Inawgurata boutique hotel fil-Belt b’investiment ta’ €3 miljun

Investiment ta’ kwalità fil-qalba tal-belt kapitali

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-boutique hotel Palazzo Ignazio fi Triq San Pawl il-Belt Valletta, li ġiet inawgurata wara investiment ta’ €3 miljun.

Il-ħsieb wara Palazzo Ignazio kien li toffri ospitalità differenti bil-għan li t-turisti li jagħżlu din l-akkomodazzjoni jesperjenzaw id-dinja kulinarja u kulturali li toffri gżiritna.

Fl-indirizz tiegħu, il-Prim Ministu Robert Abela qal li l-Gvern qiegħed hawn biex joħloq l-ambjent li jiffaċilita r-rieda tal-investituri li joħolqu iktar impjiegi u jinvestu f’pajjiżna, f’dan il-każ fil-belt kapitali tagħna.

Fisser dan l-investiment bħala mhux biss turija tal-fiduċja li l-investituri għandhom f’pajjiżna imma turija ta’ kemm il-Belt Valletta hija destinazzjoni ta’ kwalità, li toffri esperjenza unika lil kull min iżurha.

Dr Abela wera l-apprezzament tiegħu għat-tmexxija tal-Grupp Bajada li qed ikompli jimraħ f’setturi differenti li lkoll jassiguraw titjib fil-kwalità tal-esperjenza tal-konsumatur. “Kulma jmur is-settur tal-ospitalità qiegħed dejjem jesplora modi kreattivi u innovattivi biex jattira iżjed turisti lejn pajjiżna. Bħal din il-boutique hotel, li qed toffri esperjenza kulinarja u kulturali differenti”, sostna l-Prim Ministru.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Maniġerjali tal-Grupp Mark Bajada qal li l-kompetizzjoni fil-qasam turistiku qiegħda dejjem tikber u għalhekk teħtieġ diversifikazzjoni ikbar fis-settur tal-ospitalità f’pajjiżna. Saħaq li din il-boutique hotel qed toffri turiżmu b’differenza.

Ekonomija

Sport