Friday, November 15, 2024

Inawgurata Cutting Room ġdida ġewwa l-Pixkerija

Aqra wkoll

Ġie inawgurat investiment ġdid fil-Pixkerija, fejn ser ikun jista’ jsir tqattigħ tal-ħut. Permezz ta’ dan l-investiment, il-proċess ser ikun aktar effiċjenti u bl-aktar regoli għoljin ta’ sanità. Dan l-investiment ġie inawgurat mis-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Malta Food Agency Brian Vella.

Dan l-investiment huwa attrezzat b’tagħmir modern u skieken ġodda biex jintużaw mill-ħaddiema. Dan ser jassigura li l-proċess ta’ tqattigħ tal-ħut isir f’konformità mal-ogħla livelli ta’ iġjene, kif ukoll abbażi tar-regolamenti taħt l-Att dwar is-Servizzi Veterinarji.

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said saħqet kif dan l-investiment ser jgħin lill-Malta Food Agency, l-aġenzija li tmexxi l-Pixkerija, biex tassigura l-ogħla kwalità fil-ħut li jinbiegħ lill-konsumaturi lokali, kif ukoll dawk internazzjonali.

“Grazzi għal dan l-investiment ġdid, qegħdin nilħqu l-istandards neċessarji biex nixprunaw aktar tkabbir u suċċess fis-setturi kollha lokali tas-sajd. Dan l-ispazju l-ġdid qiegħed isaħħaħ il-kompetittività tas-settur tas-sajd lokali, biex b’hekk nipproteġu l-għajxien ta’ kull sajjied lokali ġewwa pajjiżna,” saħqet is-Segretarju Parlamentari.

Hija spjegat kif matul is-sena 2022, il-Pixkerija rreġistrat bejgħ totali ta’ 731 tunnellata ta’ ħut, qabża ta’ 71% fuq iċ-ċifra ekwivalenti matul is-sena preċedenti. Fl-istess perjodu, il-kontribut ekonomiku ta’ dan il-bejgħ laħaq ċifra ta’ €3.3 miljun matul is-sena li għaddiet, żieda ta’ 25% minn dak tas-sena 2021.

Is-Segretarju Parlamentari tenniet kif din il-qabża fix-xiri ta’ ħut ma kinitx biss riżultat ta’ niċeċ ekonomiċi ġodda li nfetħu madwar id-dinja, fejn ammonti ta’ ħut differenti kienu qegħdin jiġu esportati, iżda spjegat kif il-ħut huwa parti mill-platt tipiku tal-familji Maltin għaliex huwa wkoll sustanzjuż. “B’hekk, qegħdin inkomplu naċċertaw is-sostenibbiltà tal-produzzjoni lokali tal-ikel, kif ukoll innaqqsu l-emissjonijiet ambjentali għaliex qed innaqqsu d-dipendenza tagħna bħala pajjiż fuq l-importazzjoni tal-ikel barrani,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.

Ekonomija

Sport