Monday, December 23, 2024

Inawgurata Dar Bjorn f’Ħaż-Żebbuġ

... il-Gvern ikompli jinvesti f’ħajja ta’ kwalità għal persuni bi sfidi ta’ saħħa

Aqra wkoll

Il-Gvern qed iwieżen u jgħin lil dawk il-persuni bi sfidi f’ħajjithom biex igawdu minn kwalità ta’ ħajja aħjar. 

Fosthom bl-investiment li l-Gvern għamel biex illum ġiet inawgurata Dar Bjorn f’Ħaż-Żebbuġ li se tkun qed toffri servizzi ta’ terapija lil persuni b’ALS u kundizzjonijiet newroloġiċi oħra. 

Bil-Gvern fl-isfond tal-kisbiet soċjali, qed jibqa’ ffukat fuq ħidma soċjali oħra li tindirizza r-realtajiet li jinbidlu maż-żminijiet, biex jibqa’ jsaħħaħ dak li jkun wettaq. 

Fid-diskors tal-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela tenna li huwa għalhekk li l-Gvern fost oħrajn qed ikompli iżid il-carer’s grant, u jinvesti aktar minn €4 miljun favur assistenti personali, biex aktar persuni jkunu jistgħu jgħixu b’mod indipendenti fil-komunità. 

Huwa rrefera għall-ftehimiet soċjali b’mudell ta’ sħubija bejn il-Gvern u s-soċjetà bħala wieħed b’saħħtu fejn dawk mis-settur privat jersqu ‘l quddiem bl-aqwa prattiċi favur il-kura u l-ħarsien tan-nies. 

B’eżempju ċar ta’ dan huwa l-ftehim soċjali li l-Gvern għamel ma’ ALS Malta, b’din id-dar se tkun ta’ servizz kbir għas-soċjetà. Bi 30 persuna li ġew assessjati mill-Aġenzija Sapport issa se jirċievu s-servizzi minn Dar Bjorn. Dar maħsuba biex dawn il-persuni, li se jqattgħu ħinijiet twal fid-dar, igawdu mill-elementi ta’ barra. Fost oħrajn, id-dar tassigura li jidħol id-dawl naturali u tinkludi ġnien flimkien ma’ pixxina għat-terapija. 

Il-Prim Ministru kkonkluda b’ringrazzjament lill-professjonisti u l-ħaddiema għall-kontribut siewi li jagħmlu fil-ħajja ta’ dawn il-persuni, biex tkun aktar komda u faċli f’dar mgħammra b’faċilitajiet tal-ogħla livell. Proġetti bħal dawn se jibqgħu jsibu s-sostenn tal-Gvern.

Ekonomija

Sport