Ġiet inawgurata uffiċjalment Dar Sant Anna fl-Isla. Din id-dar żgħira u akkoljenti ġiet iddisinjata apposta għall-persuni b’diżabilità.
Id-dar għandha aktar minn mitejn sena ta’ servizz soċjali, u issa se tkompli tħaddan missjoni ta’ inklużjoni u dinjità, wara li ngħatat b’kirja ta’ 50 sena lil CareMalta biex tkompli tintuża għal skopijiet soċjali.
Dawk li issa se jkunu qed jgħixu f’din id-dar, kienu qabel jgħixu f’Casa Apap Bologna fil-Mosta. Din mhux sempliċi rilokazzjoni, iżda pass ieħor konkret lejn viżjoni ta’ inklużjoni u parteċipazzjoni sħiħa fil-komunità għall-persuni b’diżabilità.
Malta rratifikat il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità bħala pass storiku ta’ impenn lejn soċjetà aktar ġusta u inklussiva. Dan l-obbligu jfisser li pajjiżna għandu jassigura li persuni b’diżabilità jgħixu bħala membri ugwali fis-soċjetà, bi drittijiet sħaħ, b’għażla u kontroll fuq ħajjithom.
Wieħed mill-bidliet l-aktar sinifikanti huwa l-proċess ta’ deistituzzjonalizzazzjoni. L-għan tiegħu hu li djar kbar jinbidlu biex jinħolqu djar iżgħar u komunitarji, fejn il-persuni jistgħu jiffjorixxu bħala parti mil-lokalità tagħhom. Dar Sant Anna hija eżempju ċar ta’ dan il-prinċipju, fejn il-persuni ma jkunux definiti mid-diżabilità tagħhom, iżda mill-umanità u l-aspirazzjonijiet tagħhom. Dan il-proċess jitwettaq permezz ta’ kollaborazzjoni mill-qrib bejn il-Gvern u s-settur privat, flimkien mal-appoġġ ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-involviment tal-komunità lokali. F’dan il-kuntest, Aġenzija Sapport għandha rwol ewlieni biex tmexxi l-viżjoni ta’ inklużjoni u biex tassigura li l-bidliet isiru b’mod sostenibbli u mmirati lejn il-bżonnijiet ta’ kull persuna.
Fid-diskors tagħha waqt l-inawgurazzjoni ta’ din id-dar, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia enfasizzat l-importanza tad-deistituzzjonalizzazzjoni u kif il-Gvern jinsab impenjat li jkompli jibni fuq il-prinċipji tall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità. “Il-ftuħ ta’ Dar Sant Anna jirrappreżenta pass importanti fil-mixja ta’ pajjiżna lejn soċjetà aktar ġusta u inklussiva. Din id-dar, li tinsab fil-qalba tal-Kottonera u li għandha storja ta’ aktar minn mitejn sena ta’ servizz, illum qed tieħu ħajja ġdida bħala simbolu ta’ kif irridu nkunu: komunità li tagħraf il-valur ta’ kull persuna u tqiegħdu fiċ-ċentru tal-ħajja soċjali. Il-politika tagħna fuq id-diżabilità hija waħda ċara. Irridu nimxu ‘l bogħod mill-istituzzjonijiet kbar. Dar Sant Anna hi eżempju ċar ta’ kif qed nimplimentaw dan fil-prattika. Irridu li kull persuna b’diżabilità jkollha mhux biss id-drittijiet tagħha rikonoxxuti fuq il-karta, iżda wkoll l-opportunità li tħoss li għandha kontroll fuq ħajjitha u l-għażliet tagħha, bħalma għandu kull ċittadin ieħor,” temmet tgħid il-Ministru.
Dar Sant Anna mhux biss toffri ambjent sigur u komdu, iżda tqarreb lill-persuni mal-familji tagħhom, mal-ħajja ta’ kuljum fil-komunità u mal-programmi jew ċentri ta’ li jattendu, fejn l-għan huwa il-ħajja b’dinjità u l-inklużjoni mhux segregazzjoni.