Sunday, November 24, 2024

Inawgurata esebizzjoni li ġġib flimkien l-arti u l-intelliġenza artifiċjali (AI)

Aqra wkoll

Ġiet inawgurata esebizzjoni bl-isem ta’ “Tomorrow’s Blossoms: Teaching the AI of the Future about Creativity and Emotions” li għandha l-għan li tkompli żżid l-għarfien fuq is-sinerġija li teżisti bejn l-intelliġenza artifiċjali (AI) u l-arti.

Fl-istess attività ġie ffirmat ukoll Memorandum of Understanding bejn Xjenza Malta u l-Creative Science and Arts Institute (CSAI) għal iktar kollaborazzjoni. L-iffirmar tal-ftehim ġie ppresedut mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.

Il-ftehim għandu l-għan li jesplora aktar opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni u se jservi ta’ pedament għal aktar proġetti innovattivi li jgħaqqdu l-kreattività umana mat-teknoloġija. Il-ftehim għandu l-għan ukoll li jispira l-iżgħar ġenerazzjonijiet biex jagħrfu l-potenzjal kbir tal-AI.

Il-Ministru Owen Bonnici stqarr li din l-esebizzjoni hija prova ċara tal-potenzjal kbir li hemm bejn l-arti u l-intelliġenza artifiċjali.  Huwa saħaq li din il-kollaborazzjoni mhux biss twessa’ l-konfini tal-kreattività, iżda wkoll tħeġġeġ innovazzjonijiet interdixxiplinarji u toffri wkoll opportunità biex jiġi esplorat kif l-AI jista’ jagħti ħajja ġdida lill-arti.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti stqarr, “Din l-inizjattiva mhijiex biss pass kbir ’il quddiem għall-arti u x-xjenza, iżda hija wkoll eżempju tal-importanza tal-metodu STEAM – Science, Technology, Engineering, Arts, and Mathematics. Dan hekk kif l-esebizzjoni tirrappreżenta dawn l-elementi kollha, u turi kif l-arti u x-xjenza jistgħu jaħdmu flimkien biex joħolqu proġetti li huma kemm kreattivi kif ukoll teknoloġikament avvanzati.”

Is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti temm billi irringrazzja lill-Kunsill Malti għall-Arti, il-Fondazzjoni CSAI, Esplora u Xjenza Malta għall-kollaborazzjoni tagħhom li wassal għal din l-esebizzjoni, kif ukoll biex jiġi ffirmat il-ftehim.

Min-naħa tiegħu, Olaf McKay, Kap tal-Esplora, qal, “Permezz ta’ dan l-MoU, se ntejbu l-kollaborazzjoni tagħna mas-CSAI fil-qasam tar-Riċerka u l-Innovazzjoni filwaqt li se nkunu qed nintegraw l-Intelliġenza Artifiċjali fi ħdan l-Esplora. Għal dan il-għan, Dr Angelo Dalli, min-naħa ta’ CSAI, se jkun l-ambaxxatur tal-AI fl-Esplora fejn se jkun qed jipprovdilna konsulenza dwar l-Intelliġenza Artifiċjali. Dan sabiex inkomplu jkollna aktar inizjattivi li jgħaqqdu l-arti u x-xjenza.”

Dr Angelo Dalli, Direttur Artistiku tas-CSAI qal, “Dan il-ftehim se jwassal għal kollaborazzjoni bejn CSAI u Xjenza Malta sabiex inkomplu nagħqdu l-innovazzjoni xjentifika mal-kreattività artistika. Dan il-ftehim għandu l-għan ewlieni li jispira u jeduka il-ġenerazzjoni li jmiss.”

Sport