Il-Bank of Valletta fetaħ fergħa ġdida fil-Mosta. Il-fergħa l-ġdida f’31-33, Triq il-Kostituzzjoni, tinsab ftit metri ’l bogħod mill-fergħa l-antika. Din il-fergħa tissimbolizza l-impenn tal-Bank li joffri lill-klijenti tiegħu esperjenza aħjar u li jgħolli l-kwalità tas-servizz offrut fil-fergħat kollha tiegħu madwar Malta u Għawdex. Il-fergħa l-ġdida fil-Mosta ġiet inawgurata f’ċerimonja ppreseduta miċ-Chairperson tal-BOV Dr Gordon Cordina u l-Kap Eżekuttiv tal-Bank, Kenneth Farrugia.
Il-fergħa tinkludi servizz ta’ kaxxier, lobby li jopera 24 siegħa, u żewġ ATMs, fotshom bulk-deposit ATM għall-klijenti tan-negozju. Il-binja mifruxa fuq ħames sulari tinkludi kmamar għal-laqgħat soundproof bil-għan li tkun mħarsa l-kunfidenzjalità tal-klijenti li tibqa’ waħda mill-ogħla prijoritajiet tal-BOV. Tinkludi wkoll arkivju u żona għas-servizzi fil-livell taħt l-art. Din il-fergħa hija mgħammra b’sistemi ta’ dawl u ilma li jaħlu inqas u li jsarrfu f’iktar effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Ix-xogħlijiet strutturali, li ħadu sena biex jitlestew, saru fost oħrajn biex titjieb l-aċċessibilità u l-binja tkun aktar sigura.
Il-fergħa tal-Mosta hija l-għaxar fergħa tal-BOV b’dehra moderna u kontemporanja li hija karatteristika tal-Programm ta’ Rinnovazzjoni tal-Fergħat tal-Bank. Ġiet maħsuba b’mod li ttejjeb l-esperjenza tal-klijenti u ddisinjata b’mod li tilqagħhom bl-aħjar mod.
Waqt l-inawgurazzjoni, il-Kap Eżekuttiv tal-Bank, Kenneth Farrugia, qal “Il-fergħa l-ġdida hija xhieda tal-impenn tagħna lejn prinċipji ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG), u fl-istess ħin tipprovdi esperjenza ta’ servizz aħjar u aktar personalizzat lill-klijenti. Bi 32 fergħa u 94 ATM madwar Malta u Għawdex, il-BOV jibqa’ l-aktar bank fiżikament preżenti f’Malta, u dan jirrifletti l-wegħda tagħna li nżommu lill-klijenti fil-qalba ta’ dak kollu li nagħmlu. Fl-istess waqt, bħalissa qed naħdmu wkoll fuq proġett li għandu jwassal biex il-Bank iniedi mezzi ġodda ta’ internet u mobile banking sal-aħħar ta’ din is-sena. Dan se joffri ġabra ta’ soluzzjonijiet aħjar lill-klijenti tagħna.
Filwaqt li aħna kommessi li noffru l-aħjar lill-klijenti, bl-istess mod nibqgħu nipprovdu lill-impjegati l-aħjar ambjent tax-xogħol possibbli. Qed inwettqu investiment sinifikanti fin-nies tagħna, u dan huwa rifless f’binjiet aktar moderni għall-ġid tal-impjegati, u fil-ħolqien ta’ spazju li l-impjegati fil-fergħat tagħna jkunu kburin bih.”
Min-naħa tiegħu Dr Gordon Cordina, Chairperson tal-BOV, qal “Il-komunità tibqa’ sieħeb importanti tal-Bank. Minn dejjem konna qrib ħafna tal-komunità, u sa mit-twaqqif tiegħu, il-Bank kellu rwol sinifikanti fil-ħajja ta’ parti kbira tal-popolazzjoni f’Malta. Bħala wieħed mill-pilastri ewlenin tal-ekonomija u tas-soċjetà inġenerali, qed naħdmu qatigħ biex nagħmlu d-differenza billi nsostnu lill-klijenti personali u tan-negozju u nappoġjawhom sabiex ikomplu jikbru b’mod sostenibbli. Din il-fergħa ġdida fil-qalba tal-komunità se sservi bħala punt ċentrali importanti għal dan it-tkabbir.”
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm Simon Azzopardi, Chief Personal and Wealth Officer, Ernest Agius Chief Operations Officer u l-Branch Manager Claudia Chetcuti u t-tim tagħha.