Saturday, January 11, 2025

Inawgurata l-ewwel esebizzjoni ta’ artist Malti fil-MICAS

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici inawgura l-ewwel esebizzjoni ta’ artist Malti fl-Ispazju Internazzjonali tal-Arti Kontemporanja ta’ Malta (MICAS), bl-iskultura tal-artist mibki Ray Pitrè.

Waqt l-inawgurazzjoni kien hemm preżenti wkoll il-familjari tal-artist Ray Pitrè li miet fl-aħħar tal-2024, li l-esebizzjoni tal-aħħar xogħol tiegħu ‘Figure In Rods’ issa tifforma parti mill-kollezzjoni permanenti tal-MICAS.

“Ninsabu f’mument sinifikanti fil-vjaġġ kulturali ta’ pajjiżna, hekk kif infakkru l-wirt ta’ Raymond Pitrè u nsaħħu l-impenn tagħna li npoġġu l-arti Maltija fuq il-palk internazzjonali permezz ta’ MICAS, il-mużew il-ġdid tagħna ddedikat għall-arti kontemporanja. It-telfa riċenti ta’ Ray Pitrè tfakkarna fit-talent straordinarju li għamlitu sinonimu ma’ identità artistika unika, mill-bidu tax-xogħol pijunier tiegħu fis-snin sittin, fejn esplora diversi espressjonijiet u beda joħloq xogħol profond anke minn materjali abbandunati mis-soċjetà,” qal il-Ministru Bonnici.

Il-Ministru Bonnici kompla li bil-kapulavur finali tiegħu ‘Figure In Rods’, issa installata b’mod permanenti f’MICAS, Pitrè inkarna l-ispirtu innovattiv u l-eċċellenza artistika li jixraqilhom għarfien internazzjonali.

Punt ieħor importanti tal-inawgurazzjoni kien l-iżvilupp tal-programm ambizzjuż ta’ MICAS, li dwaru l-Ministru Bonnici qal li kien se jiżgura li ġenerazzjonijiet kurrenti u futuri ta’ artisti Maltin isibu l-appoġġ, ir-rikonoxximent u l-pjattaforma internazzjonali li jixraqilhom.

L-esebizzjoni ġiet introdotta miċ-Chairperson eżekuttiva tal-MICAS, Phyllis Muscat, kif ukoll id-Direttur Artistiku tal-MICAS, Edith Devaney, u l-istoriku tal-arti l-Prof. Joseph Paul Cassar.

Iċ-Chairperson Phyllis Muscat qalet, “Huwa ta’ unur għalina li nsiru l-kustodji tax-xogħol finali ta’ Ray Pitrè, f’dan l-istadju bikri tal-missjoni tal-MICAS biex iġib l-arti kontemporanja internazzjonali f’Malta, iżda wkoll li nuru l-arti kontemporanja Maltija lill-bqija tad-dinja. Bit-tqegħid permanenti ta’ ‘Figure in Rods’, MICAS jiċċelebra l-legat artistiku ta’ wieħed mill-ifjen artisti ta’ Malta, u jissottolinja l-missjoni tagħna li nġibu l-arti u l-artisti Maltin fi djalogu ma’ komunità artistika internazzjonali”.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport