Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura uffiċjalment il-flyover bħala parti mill-proġett infrastrutturali tal-Imsida Creek. Din l-inawgurazzjoni timmarka tragward importanti lejn it-tlestija ta’ dan il-proġett infrastrutturali essenzjali li qed ikompli jimmodernizza waħda mill-aktar żoni strateġiċi fin-netwerk tat-toroq ta’ pajjiżna.
Waqt l-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru saħaq li grazzi għar-rieda soda u d-determinazzjoni li bihom inħadem dan il-proġett, illum wasalna għal tragward sinifikanti. Huwa fakkar li dan hu proġett massiċ ta’ €35 miljun, iffinanzjat kompletament minn fondi pubbliċi. Il-Prim Ministru Robert Abela enfasizza li s-saħħa ekonomika tal-pajjiż tippermetti investimenti infrastrutturali ta’ din il-portata. F’dan il-kuntest, huwa rrefera għall-konklużjonijiet riċenti tal-Fond Monetarju Internazzjonali, li ftit tal-jiem jiem ilu kkonferma li Malta għandha ekonomija reżiljenti, dinamika u rimarkabbli.
“Din il-flyover hija proġett ta’ kwalità għolja, mibni mill-Maltin għall-Maltin. It-270 tunnellata ta’ azzar li jiffurmaw din l-istruttura ġew iddisinjati u manifatturati lokalment, prova ċara tal-ħiliet, l-innovazzjoni u l-kapaċità tal-industrija Maltija. B’dan il-mod, mhux biss inħolqot infrastruttura moderna, iżda ngħatat spinta qawwija lill-industrija lokali”, saħaq Dr Abela.
Il-Prim Ministru nnota wkoll l-effiċjenza straordinarja li biha twettqet din il-flyover, hekk kif f’inqas minn sena minn meta bdew ix-xogħlijiet, intlaħaq dan il-pass importanti, bl-inqas inkonvenjenza possibbli għar-residenti u l-attività f’dawn l-akwati. Dan hekk kif ħafna mix-xogħlijiet saru bil-lejl jew fi tmiem il-ġimgħa. “Fil-pass li jmiss tal-proġett immexxi minn Infrastruttura Malta, l-Imsida se tkun qed tgawdi minn pjazza ġdida, aktar spazji miftuħa għall-familji, toroq u mogħdijiet aktar siguri għal min jimxi jew juża r-rota, kif ukoll sistema moderna ta’ servizzi li tindirizza l-problema tal-għargħar f’din iż-żona. Dan kollu sabiex, fit-tmiem tal-proġett, ikun jista’ jingħad li twettaq investiment infrastrutturali future-proof li mmodernizza u tejjeb b’mod sostanzjali din iż-żona importanti”, sostna l-Prim Ministru. Huwa qal li dan il-proġett huwa eżempju ieħor ta’ x’jista’ jinkiseb meta l-pajjiż jingħaqad u jaħdem b’determinazzjoni. “Din il-flyover mhijiex biss azzar u konkos, iżda prova li dak li joħlom dan il-poplu, jitwettaq”, żied jgħid Dr Abela.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett spjega kif dan il-proġett kien pjanat u maqsum f’diversi fażijiet, b’xogħol preparatorju minn qabel maħsub biex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt fuq min jgħaddi minn din iż-żona kif ukoll fuq ir-residenti tal-madwar.””Minn qabel bdejna x-xogħol fuq il-proġett, għamilna enfasi qawwija fuq il-komunikazzjoni mal-pubbliku, b’kull bidla fir-rotot titħabbar minn ġimgħat qabel biex wieħed jilħaq jippjana l-vjaġġ tiegħu b’mod aħjar”, qal il-Ministru Bonett.
“Wara li ftit ġimgħat ilu ġie inawgurat l-pont li jgħaqqad ix-xatt tal-Imsida ma’ dak tal-Pietà, minn għada dan il-flyover ukoll se jkun qed jintuża mill-vetturi. Minkejja li dawn l-istrutturi huma viżibbilment kbar u importanti għall-proġett, il-benefiċċji tax-xogħol li qed nagħmlu se jkompli jidher aktar biċ-ċar fil-fażijiet li ġejjin. Bil-ħolqien ta’ kanal ġdid ta’ 300 metru, ser intaffu l-problema tal-għargħar filwaqt li ser nagħtu spazju miftuħ ġdid fil-qalba tal-komunità li jerġa’ jgħaqqad iż-żewġ naħat tal-Imsida flimkien”. temm jgħid il-Ministru Bonett.

