Sunday, December 22, 2024

Inawgurata l-klinika tas-saħħa fil-komunità fl-Għarb

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne flimkien mal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri inawguraw klinika tas-saħħa fil-komunità fl-Għarb, biswit il-kunsill lokali u l-iskola primarja tal-lokalità. 

Din il-klinika se toffri ħames servizzi lir-residenti tal-Għarb u tal-madwar li huma l-klinika tat-tabib tal-familja, il-klinika tal-infermiera, servizz ta’ podjatrija, ta’ fiżjoterapija, u ta’ patoloġija tal-lingwa mitkellma. Il-proġett kien iffinanzjat mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali (NDSF).

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne saħaq li l-programm ta’ rinnovazzjoni u ftuħ ta’ kliniċi ġodda fil-komunità ġie estiż ukoll għall-gżira Għawdxija, u li dan il-proġett se jikkumplimenta sensiela ta’ proġetti oħra li jkomplu jressqu s-servizzi tas-saħħa iżjed viċin il-komunitajiet Għawdxin. Huwa fakkar fil-programm ta’ vaċċinazzjoni tal-influwenza u tal-booster tal-Omicron li jibdew min-nhar it-Tnejn 17 ta’ Ottubru u li se jingħataw miċ-Ċentri tas-Saħħa u mill-kliniċi fil-komunità skedati, inkluż fil-klinika l-ġdida fl-Għarb. 

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-ftuħ ta’ din il-klinika l-ġdida fl-Għarb. Huwa stqarr li “Kliniċi bħal dawn ikomplu jsaħħu l-kura tas-saħħa u jilħqu l-bżonnijiet tan-nies viċin fejn joqogħdu u jaħdmu. Inħares ‘il quddiem għal aktar ħidma sabiex inkomplu ntejbu l-kura tas-saħħa fil-gżira Għawdxija.”

Huwa kkonkluda billi semma l-importanza li l-klinika l-ġdida tal-Għarb tinsab f’post ċentrali u f’ambjent li jilqa’ lil kull min ikollu bżonn jagħmel użu minnha.

Ekonomija

Sport