Wednesday, December 25, 2024

Inawgurata lukanda ta’ tliet stilel fil-Mellieħa b’investiment ta’ €8 miljun

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura lukanda ta’ tliet stilel fil-Mellieħa b’investiment ta’ €8 miljun.

Il-lukanda Viu 57 Hotel toffri veduta unika tal-bajja pittoreska tal-Għadira u hija mgħammra b’57 kamra.

Tul iż-żjara, il-Prim Ministru Robert Abela kellu ċ-ċans jispjega kif il-gvern se jkompli jinċentiva l-attività ekonomika anke b’inizjattivi bħar-rifużjoni tat-taxxa u bħaċ-ċekk addizzjonali li tħabbru lbieraħ u li se jfissru €70 miljun fil-but tan-nies.

Il-Prim Ministru Robert kellu wkoll l-opportunità jisma kif it-tmexxija tal-lukanda, minkejja l-isfida tal-pandemija, żammet magħha l-ħaddiema kollha, li jammontaw għal 15-il ruħ. Waqt iż-żjara fis-sulari diversi tal-lukanda, il-Prim Ministru ltaqa’ wkoll ma’ għadd ta’ ħaddiema minn dipartimenti diversi u rringrazzjahom tal-ħidma li jwettqu ta’ kuljum fis-settur tal-ospitalità, bil-għan li joffru l-aqwa esperjenza possibbli lit-turisti li jagħżlu lil pajjiżna.

L-operatur tal-lukanda, Mark Camilleri, qal li minkejja l-effetti tal-pandemija, l-investiment baqa’ reżiljenti u b’saħħtu. 

“Jidher ukoll li minn Marzu ’l quddiem se jkollna numri tajbin u għandu jkollna staġun pożittiv,” qal is-Sur Camilleri. 

Il-kmamar kollha tal-lukanda joffru veduti mill-isbaħ li jagħtu għall-widien jew għall-Bajja tal-Mellieħa. Fost numru ta’ faċilitajiet oħra, Viu 57 Hotel hija mgħammra b’ristorant ġdid, b’infinity pool u b’servizzi oħra tal-ogħla livell.

Preżenti matul l-inawgurazzjoni kien hemm il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo flimkien mal-kumplament tat-tmexxija tal-lukanda f’isem il-kumpanija Develeco Malta Ltd.

Ekonomija

Sport