Thursday, December 26, 2024

Inawgurata residenza għall-ommijiet refuġjati li qed irabbu lil uliedhom fi Gwardamangia

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Arċisqof Charles Jude Scicluna inawgura r-residenza Blessed Gerard li bdiet tilqa’ ommijiet refuġjati li qed irabbu weħidhom lil uliedhom. Il-proġett twettaq mill-Maltese Cross Corps u l-Malteser International tal-Ġermanja b’ħidma mal-Kummissjoni Emigranti.

Ir-residenza, li tinsab fi Gwardamanġa, tilqa’ fiha tliet familji li għandhom kmamar individwali u faċilitajiet oħra komuni fosthom kamra tal-ikel, kċina u play area. L-għan tal-proġett hu li jipprovdi akkomodazzjoni u ħtiġijiet bażiċi oħra, u jgħinhom jintegraw u jkunu indipendenti. Ir-residenti se jiġu riferuti f’din id-dar mill-Kummissjoni Emigranti.

Fil-messaġġ tiegħu wara li bierek ir-residenza, l-Arċisqof Scicluna faħħar l-inizjattiva tal-Maltese Cross Corps li biddlet l-isfidi f’inizjattivi li qabelxejn ifittxu l-ġid tal-proxxmu. Appella biex is-soċjetà Maltija turi dejjem rispett u solidarjetà mal-barranin. Stieden lil entitajiet oħra sabiex bil-kontribut ċkejken tagħhom jagħmlu differenza fil-ħajja tal-oħrajn.

Is-Sur Victor Tonna, il-President tal-Maltese Cross Corps, qal li Blessed Gerard Residence se tagħti d-dinjità mistħoqqa lil dawn il-persuni li ħallew pajjiżhom għal futur aħjar. Ir-residenza hi msemmija għall-fundatur tal-Ordni Sovran Militari ta’ Malta, li din is-sena qed jiġi mfakkar id-900 sena minn mewtu.

F’isem il-Kummissjoni Emigranti, Mons. Alfred Vella qal li l-Kummissjoni, li tilqa’ mal-400 persuna f’seba’ residenzi f’Malta, taħdem biex dawn ħutna jħossuhom milqugħin, mifhumin, mgħejunin u integrati fis-soċjetà.

L-inawgurazzjoni ta’ din id-dar saret fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Migranti u r-Refuġjati, li se jiġi mfakkar nhar il-Ħadd li ġej.

Ekonomija

Sport