Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Dr Jo Etienne Abela, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Dr Malcolm Paul Agius Galea, inawgura sala ġdida ta’ Kura Paljattiva f’San Vinċenz de Paul.
Din is-sala ġdida, b’kapaċità ta’ 16-il sodda, tirrappreżenta pass importanti fil-provvista ta’ kura fl-aħħar stadji tal-ħajja għall-anzjani li jħabbtu wiċċhom ma’ kundizzjonijiet serji li jħallu impatt negattiv fuq ħajjithom. Huwa parti minn viżjoni ikbar ta’ San Vinċenz biex jissaħħu s-servizzi speċjalizzati u tiżdied il-kwalità tal-kura b’mod integrat u ħolistiku.

Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanita Attiva Jo Etienne Abela qal kif din is-sala għall-kura paljattiva li tilqa’ 16-il persuna, turi l-ħidma tal-Gvern fejn jidħlu l-ħarsien u l-kura paljattiva għall-pazjenti Maltin u Għawdxin. “Ċert li permezz ta’ din is-sala, persuni mill-komunità kif ukoll minn entitajiet oħra, ser twassal kura b’dinjità f’din il-fażi tal-ħajja tal-pazjent, titwassal bl-aħjar mod”, temm jgħid Dr Abela.
Is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea saħaq li dan huwa eżempju ta’ kif is-servizzi tal-Anzjanità Attiva qed ikomplu jespandu b’mod immirat biex jilħqu l-ħtiġijiet reali tal-pazjenti. “Il-kura paljattiva mhix biss kura fiżika iżda wkoll emozzjonali u spiritwali. Kura li tqis id-dinjità tal-persuna sat-tmiem tal-ħajja tagħha. Din il-faċilità hija pass ieħor lejn sistema ta’ kura iktar sensittiva, personalizzata u rispettata,” kompla jgħid Dr Agius Galea.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paul Jorgen Souness żied jgħid li din is-sala tirrifletti l-impenn ta’ San Vinċenz li joffri spazji li jħarsu l-privatezza u l-benesseri tal-pazjenti, filwaqt li jappoġġaw ukoll lil qrabathom.
Din is-sala se tkun immexxija minn tim multidixxiplinari li jinkludi tobba, infermiera, professjonisti paramediċi, ħaddiema soċjali, psikologi u persuni ta’ appoġġ spiritwali. Il-kura se tkun ibbażata fuq pjanijiet personalizzati li jindirizzaw l-uġigħ u s-sintomi assoċjati, kif ukoll l-aspetti emozzjonali u psikoloġiċi tal-pazjent u l-familja tiegħu.