Nhar il-Ħadd, 5 ta’ Lulju, in-nies ta’ Ħal Luqa ċċelebraw il-festa ad unur il-padrun tar-raħal Sant’ Andrija. Din is-sena l-festi qed ikunu ċċelebrati b’mod differenti mis-soltu. Fil-fatt l-istatwa ta’ Sant’ Andrija kienet waħda minn tal-ewwel li kienet ċelebrata fil-jum li kien pjanat qabel il-pandemija.
Għalkemm ir-raħal ta’ Ħal Luqa ma kienx imżejjen bħalma jkun issoltu f’jum il-festa, l-imħabba tad-dilettanti baqgħet tinħass. Fost dawn id-dilettanti hemm Malcolm Muscat, li f’jum il-festa ra l-ħolma tiegħu ssir realtà, hekk kif wara ħafna taqtiegħ ta’ qalb inawgura l-bandiera l-ġdida fuq ir-residenza tiegħu. Malcolm huwa l-kaxxier tas-Sezzjoni Żgħażagħ Ajklieri u jaħdem qatiegħ għall-festa. Din is-sena l-volontarjat kellu jieqaf ukoll minħabba l-pandemija hekk kif anke l-każini tal-banda kellhom jagħlqu l-bibien tagħħhom. Imma dan ma qatax qalb iż-żagħżugħ Malcolm, li nsista biex, anke jekk kontra l-kurrent, jara li l-bandiera titlesta għall-festa ta’ din is-sena, li ma kellux ħjiel kinitx se ssir jew le.
Il-bandiera b’Santa Andrija fin-nofs, kbira 28 pied b’41 pied, twaħħlet ma’ arblu twil 60 pied, perpret għall-ewwel darba wara li kienet imbierka mill-Wisq Rev. Kan. Michael Zammit, Kappillan ta’ Ħal Luqa. Id-disinn tal-bandiera huwa ta’ Silvio Pace, bil-pittura tkun fdata f’idejn Noel Debono, bil-grandiment, il-ħjata u l-isfumar f’idejn Redrian u Abigail Micallef.
Possibilment din hija waħda mill-akbar bnadar li hi mtellgħa fuq bini residenzjali.
Għall-inawgurazzjoni kien hemm preżenti l-Ministru Silvio Schembri, is-Sindku John Schembri u l-kunsillera, flimkien ma’ bosta ħbieb u dilettanti tal-festa.