Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri inawgura wirja fl-Arkivju Nazzjonali ta’ Għawdex li tiffoka fuq Għawdex u t-Tieni Gwerra Dinjija u l-impatt tagħha fuq il-komunità Għawdxija. Din l-ewwel wirja f’Għawdex dwar it-Tieni Gwerra Dinjija tinkludi dokumenti, ritratti u oġġetti oriġinali li jipprovdu perspettiva diretta tal-esperjenzi u t-tbatija li għaddew minnhom l-Għawdxin waqt il-kunflitt globali.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “din hija esibizzjoni mill-isbaħ u mill-aktar interessanti ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija fil-gżira ta’ Għawdex li tiġbor fiha informazzjoni kbira, dokumentazzjoni unika minn Charles Bezzina kif ukoll missieru Frank li tul ħajjithom iddokumentaw stejjer, ġrajjiet u oġġetti rigward dan il-perjodu f’Għawdex. Kif wieħed jista’ jinnota hawn informazzjoni esklussiva fejn missier Charles Bezzina, Frank, kien fl-1938 penfriend ma’ Manfred, bin il-Field Marshal Erwin Rommel. L-Arkivju ta’ Għawdex għandu rwol essenzjali fil-preservazzjoni tal-memorja kollettiva u tal-wirt storiku tal-gżira. Aktar minn hekk, f’pajjiż li llum igawdi l-paċi u s-sigurtà, huwa importanti li n-nies jifhmu u japprezzaw is-sagrifiċċji li għamlu missirijietna fi żminijiet ta’ sfida u inċertezza.”
Il-wirja tfakkar fl-isfidi kbar li kellhom jiffaċċjaw il-poplu Għawdxi u dak Malti, inkluż telf ta’ ħajjiet, djar meqruda u familji mifruda. Hija wkoll xhieda tal-kuraġġ u s-solidarjetà li wrew l-Għawdxin meta fetħu djarhom għall-Maltin li kienu qegħdin jaħarbu mill-qilla tal-gwerra. Minkejja li ħafna Għawdxin batew il-ġuħ, dawn xorta waħda ġabru l-qamħ li kellhom maħżun biex jgħinu lill-popolazzjoni f’Malta li kienet tinsab f’sitwazzjoni kritika. Dan huwa rifless ċar tal-ispirtu ta’ għaqda nazzjonali u tal-kontribuzzjoni kontinwa ta’ Għawdex għall-bqija tal-pajjiż.
Il-Ministru Camilleri rringrazzja lil Charles Bezzina għall-kontribut tiegħu, partikolarment għall-kollezzjoni tiegħu ta’ dokumenti u materjal storiku li issa qed tiġi ppreservata fl-Arkivji u esebita għall-pubbliku. L-affarijiet kollha li hemm esebiti kif ukoll dak li għandu d-dar Charles Bezzina se jingħataw lill-Arkivju ta’ Għawdex tul ħajtu u wara mewtu.
Il-Ministru Clint Camilleri sostna li din il-wirja ġdida se tkompli ssaħħaħ l-għarfien tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin dwar l-irwol importanti li kellu Għawdex matul it-Tieni Gwerra Dinjija, u għalhekk temm billi ħeġġeġ lil kulħadd iżur din l-esibizzjoni fl-Arkivji Nazzjonali ta’ Għawdex.



