Thursday, December 26, 2024

Inawgurati ħames boilers fil-Biċċerija Pubblika – L-ispiża fuq il-fuel se tonqos b’60%

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo inawgura sistema ta’ ħames boilers li se jimmodernizzaw u jtejbu l-effiċjenza tal-Biċċerija Pubblika, permezz ta’ investiment ta’ €580,000.

Bħala medja, il-Biċċerija ssaħħan madwar 150 metru kubu ta’ ilma kuljum fid-diversi proċessi tagħha. B’din is-sistema l-ġdida se tiġi anke żgurata l-indafa massima fl-impjant tal-Biċċerija, filwaqt li l-ispiża fuq il-fuel għat-tisħin tal-ilma se tonqos b’madwar 60 fil-mija.

Il-Ministru Anton Refalo spjega li dawn il-boilers jirrispettaw l-ambjent, filwaqt li qed jgħinu wkoll biex jintlaħqu l-miri ta’ Malta fil-qasam tat-tibdil fil-klima, il-kwalità tal-arja u l-miri għall-iżvilupp sostenibbli (SDGs).

“Dan l-investiment hu miżura oħra li tikkonferma li l-Gvern hu kommess bil-fatti biex ikompli jgħin lill-bdiewa u raħħala Maltin u jkun żgurat il-futur tagħhom. Jeħtieġ li nkomplu ninvestu fl-infrastruttura ta’ dan is-settur, partikolarment bl-użu tat-teknoloġija, u b’hekk ngħinu wkoll biex tissaħħaħ il-kwalità tal-prodotti agrikoli Maltin,” qal il-Ministru Refalo.

Fil-Biċċerija Pubblika sar investiment ukoll f’sistema ta’ kontinġenza billi ġie rinnovat boiler qadim f’każ ta’ bżonn. Inxtraw ukoll vaporizer, sistema ġdida ta’ heat exchangers u sistema ta’ tifi tan-nar.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur tal-Biċċerija Pubblika Stefan Cachia qal li “dan l-investiment se jgħin biex insaħħu l-effiċjenza tal-Biċċerija u fl-istess waqt se nkomplu nnaqsu l-impatt ambjentali billi nnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sa 50% waqt li prattikament inġibu fix-xejn l-emissjonijiet ta’ particulate matter. Dan se jwassal għal titjib fil-kwalità tal-arja għall-ħaddiema tal-Biċċerija, għall-klijenti tagħna kif ukoll dawk li jgħixu fil-madwar.”

Ekonomija

Sport