Saturday, December 21, 2024

Inawgurati l-ewwel eco-friendly feeding machines għall-annimali stray f’Għawdex

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, inawguraw l-ewwel eco-friendly feeding machines għall-klieb u għall-qtates stray madwar il-gżira Għawdxija.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri spjega li s-sezzjoni tal-Ħarsien tal-Annimali fi ħdan id-Direttorat ta’ EcoGozo fil-Ministeru għal Għawdex introduċiet dawn it-tliet magni tal-ikel madwar Għawdex li jagħmluha possibbli biex in-nies jiddisponu minn fliexken tal-plastik vojta u jingħataw ikel għall-klieb u għall-qtates stray. L-ikel jinżel fi skutelli fil-parti t’isfel tal-magni li huma wkoll eco-friendly għaliex jaħdmu permezz tal-enerġija solari.

Il-Ministru Camilleri stqarr li “din l-inizjattiva se tgħin sabiex jitnaqqsu għadd ta’ fliexken tal-plastik fit-toroq tagħna waqt li fl-istess ħin inkunu qed nitimgħu lill-annimali li huma tant għal qalb il-poplu tagħna.” Ħabbar li dawn it-tliet magni se jitpoġġew fil-parking area tar-Rabat, fil-parking area ta’ Marsalforn u fil-Marina tal-Imġarr, iż-Żewwieqa. Spjega li dawn il-postijiet intgħażlu skont in-numru ta’ kolonji ta’ qtates fiż-żoni tal-madwar.

Dr Lydia Abela qalet li bis-saħħa ta’ ideat ġodda bħal dawn id-drittijiet tal-annimali jistgħu jiġu elevati għal-livell li jmiss f’pajjiżna. “Mill-plastik li tant jagħmel ħsara lill-ambjent, dan il-proġett pożittiv se jagħti lir-residenti ikel għall-annimali li tant isebbħu lill-ambjent”. 

Mart il-Prim Ministru qalet li dan hu mod tanġibbli ta’ kif il-gżira Għawdxija qed tkun fuq quddiem nett biex tħares dejjem iktar l-interessi tal-annimali, b’mod partikolari l-istrays. Din l-infrastruttura innovattiva tingħaqad mal-pjanijiet għall-ħolqien ta’ iktar dog parks u ta’ cat cafes fil-lokalitajiet tagħna. Din hi t-triq ’il quddiem.

“La darba jkun hemm iktar minn dawn il-faċilitajiet, is-soċjetà tagħna se turi kemm verament tħobb u tħenn għall-annimali,”, ikkonkludiet Dr Abela.

Il-Ministru Camilleri ħabbar ukoll li l-Ministeru għal Għawdex se jkun qed iniedi inizjattiva biex jappoġġa lill-feeders li jitimgħu diversi kolonji ta’ qtates madwar Għawdex billi jħeġġiġhom jirreġistraw mal-Animal Welfare, jirreġistraw il-kolonji tagħhom u jingħataw vouchers għan-neutering tal-qtates b’xejn kif ukoll għajnuna għall-ikel tal-qtates irreġistrati u neutered.

Waqt din it-tnedija li saret fis-sezzjoni tal-Animal Welfare, fl-Experimental Farm, ix-Xewkija, il-Ministru Clint Camilleri u Dr Lydia Abela żaru wkoll l-annimali li qed jinżammu fl-Animal Welfare ta’ Għawdex. Barra minn hekk, il-Ministru Clint Camilleri u Dr Lydia Abela ppreżentaw vouchers lill-feeders sabiex ikunu jistgħu jsarrfuhom f’ikel għall-klieb u għall-qtates stray.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li inizjattivi bħal dawn juru l-importanza li bħala gvern qed nagħtu lill-annimali tagħna anke f’Għawdex.

Ekonomija

Sport