Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija inawgura uffiċċji ġodda f’Ħal Balzan sabiex ikun jista’ jkompli jagħti servizz aħjar lill-istudenti u l-impjegati fl-iskejjel tal-Knisja.
Dawn ġew imbierka mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi wara quddiesa li saret fil-Kappella tal-Bon Pastur f’Ħal Balzan stess. Għal din il-quddiesa u għat-tberik tal-uffiċċji attendew l-impjegati tas-Segretarjat, sorijiet tal-Bon Pastur u persuni oħra li taw sehemhom fit-twettiq tal-proġett.
Minn dawn l-uffiċċji f’Ħal Balzan se jkunu qed jaħdmu l-impjegati li jieħdu ħsieb
l-applikazzjonijiet għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja kif ukoll impjegati li jaħdmu mill-qrib mal-istudenti u l-edukaturi fosthom ħaddiema soċjali, ħaddiema ta’ żgħażagħ, psikologi edukattivi, counsellors, psikoterapista, play therapist, career advisors, tim ta’ sapport ta’ dyslexia, occupational therapist, u tim ta’ sapport soċjali, emozzjonali u ta’ mġiba.
Fil-messaġġ tiegħu waqt l-inawgurazzjoni, l-Isqof Joseph Galea-Curmi rringrazzja
lill-impjegati kollha tas-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija u ħeġġiġhom sabiex permezz ta’ ħidmiethom fid-diversi aspetti edukattivi, jgħinu lin-nies li jiltaqgħu magħhom jagħrfu x’inhuma d-drittijiet u anke r-responsabbiltajiet tagħhom sabiex “ikollna soċjetà li tirrispetta l-bniedem fid-dinjità kollha tiegħu”.
Patri Charles Mallia OP, id-Delegat tal-Arċisqof għall-Edukazzjoni Nisranija, qal li
s-Segretarjat dejjem jaħdem sabiex itejjeb u jkabbar is-servizzi li joffri u rringrazzja lil kull min ta sehmu sabiex dan il-proġett seta’ jsir. L-uffiċċji l-ġodda huma “għodda oħra biex l-impjegati jkomplu jagħtu servizz lis-settur edukattiv u lis-soċjetà”.
Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija jimpjega aktar minn 120 persuna, u
permezz tad-diversi servizzi li joffri jgħin lill-55 skola tal-Knisja li jieħdu ħsieb aktar minn 16,000 student u jimpjegaw madwar 3,000 persuna.