Sunday, December 22, 2024

Inawgurazzjoni ta’ xogħol ta’ restawr fil-Knisja ta’ Sarria

Aqra wkoll

Fit-12 ta’ Lulju l-Eminenza Tiegħu Mario l-Kardinal Grech ippresieda fuq l-inawgurazzjoni tar-restawr tas-seba’ pitturi tal-kbir Mattia Preti, pittur tas-sbatax-il seklu minn Calabria, li jinstabu fil-Knisja ta’ Sarria fil-Floriana. Dal-proġett massiv ta’ restawr ilu proġett ewleni ta’ Din l-Art Ħelwa għal dawn l-aħħar tnax-il sena. Kien ikkoordinat mill-voluntiera Maria Grazia Cassar, Patricia Salomone u Simone Mizzi. Għal din l-okkażżjoni kienu preżenti l-Eċċellenza Tiegħu Dott. Fabrizio Romano, Ambaxxatur Taljan, il-Professur Alfred Vella, Rettur tal-Università ta’ Malta, Fr Michael Bugeja, Delegat tal-Provinċja tal-Ġizwiti, is-Sur Kurt Farrugia, Superintendent tal-Wirt Kulturali, is-Sinjura Davina Sammut, Sindku tal-Floriana, u mistednin u ħbieb distinti ta’ Din l-Art Ħelwa.

Il-proġett ta’ ristawr tmexxa mid-Dott. Giuseppe Mantella, b’kollaborazzjoni mal-istoriku tal-arti l-Professur Sante Guido, bl-assistenza djanjostika tad-Dott. Sebastiano D’Amico mid-Department of Geosciences tal-Università ta’ Malta.
Fr Lino Scerri, Rettur tal-Knisja, indirizza l-avveniment ta’ inawgurazzjoni u l-Kardinal Grech għalaq l-okkażżjoni bil-barka tiegħu. Id-Dott. Giuseppe Mantella għamel preżentazzjoni li fiha ta l-istorja tal-proġett ta’ restawr, li tvara fl-2010 meta, waqt ir-restawr tal-pittura ta’ San Bastjan, ġie nnutat li l-pittura titulari dedikata lill-Immakulata Kunċizzjoni kienet qed iġġarraf il-ħsara għaliex kienu qed
jisseparaw is-saffi taż-żebgħa.

Huwa spjega kif il-Knisja reġgħet inbniet mill-ġdid mill-Ordni ta’ San Ġwann fuq is-sit ta’ kappella eqdem u iżgħar, bħala ringrazzjament għat-tmiem tal-pesta tas-snin 1675-76 li fiha mietu xi 8000 ruħ. Hu maħsub li l-knisja l-ġdida, ikbar minn ta’ qabilha, x’aktarx inbniet fuq disinn ta’ Mattia Preti.

Jekk dan huwa minnu din hija l-unika binja li nafu biha li ddisinja Mattia Preti. Il-knisja nbniet biex isibu posthom u jiddendlu seba’ pitturi ta’ Mattia Preti, fuq kummissjoni tal-Gran Mastru Nicolas Cotoner, dedikati lil qaddisin assoċjati mal-protezzjoni mill-pesta. Id-Dott. Mantella spjega li l-pitturi kienu ġew restawrati diversi drabi fl-imgħoddi, imma ġarrfu l-iżjed ħsara meta, bħala prekawzjon fit-
Tieni Gwerra Dinjija, ġew imremblin u stivati biex ma jiġrilhomx ħsara. It-trembil u l-ħall mill-ġdid kienu kkaġunaw dannu serju fuq is-saffi taż-żebgħa fil-maġġoranza tal-pitturi – ir-raġuni għaliex tnieda l-proġett tar-restawr ta’ dawn il-kapulavuri. Intużaw teknoloġiji djanjostiċi ġodda sabiex il-pitturi li kellhom l-iżjed ħsara ġew identifikati, studjati u u reġistrati bir-reqqa.

Il-Professur Alex Torpiano, President Ezekuttiv ta’ Din l-Art Ħelwa, aċċenna l-fatt li l-inawgurazzjoni tar-restawr tal-pitturi kien qed isir fi tmiem ta’ pandemija oħra, u ftit jiem biss wara l-anniversarju tas-57 sena mit-twaqqif tal-NGO. Huwa rringrazzja lill-isponsors li appoġġjaw dan il-proġett. Dawn kienu l-Malta International Airport Foundation li sponsorjat ir-restawr tal-pittura ta’ San Bastjan, Shireburn Software Ltd tal-pittura tal-Immakulata Kunċizzjoni, Middle Sea Insurance tal-pittura ta’ Santu Rokku, ir-Rotary Clubs ta’ Palermo u ta’ Malta tal-pittura ta’ Santa Rosalia, Sparkasse Bank Malta Ltd tal-pittura ta’ San Nikola ta’ Bari u l-lunetta li turi lill-Arkanġlu Mikiel, u sponsor anonimu li ħallas għar-restawr tal-Apoteożi tal-Ordni ta’ San Ġwann. Vassallo Builders għenu biex ittella’ l-armar u fir-restawr tal-koppla tal-Knisja. Il-Professur Torpiano rringrazzja lil dawk kollha li għenu u li taw sehemhom lill-proġett. Reġa’ tenna l-impenn ta’ Din l-Art Ħelwa li tkompli taħdem biex tipproteġi l-wirt kulturali ta’ Malta u ta’ Għawdex mill-qerda taż-żmien u tal-bnedmin.

Ekonomija

Sport