Monday, May 13, 2024

INĊENTIV FL-ESPERJENZA GĦAL AKTAR SIGURTÀ

Aqra wkoll

Il-Gvern qiegħed ikompli jinvesti fil-ħaddiema tal-Forzi tal-Ordni sabiex tissokta l-ħidma tagħhom ta’ servizz u ħarsien tan-nies. B’dan il-mod, qed ikun żgurat li s-sigurtà f’pajjiżna tibqa’ tingħata l-prijorità li jistħoqqilha.

Fl-aħħar jiem rajna investiment ieħor fil-Forzi Armati ta’ Malta, li se jkun qed jinkorpora l-ħidma kollha li s-suldati jwettqu f’emerġenzi tal-ewwel għajnuna, salvataġġi, operazzjonijiet militari kif ukoll interċettazzjonijiet kontra l-kriminalità.
Nemmnu li dan mhux biss se jkun qiegħed iżid is-sigurtà ta’ pajjiżna iżda se jkun qiegħed ukoll jinċentiva lil dawn l-uffiċjali li ta’ kuljum iħabbtu wiċċhom ma’ sitwazzjonijiet li l-pubbliku sfortunatament mhux dejjem jasal biex jifhem.

Nemmnu li faċilitajiet moderni bħaċ-Ċentru tal-Operazzjonijiet il-ġdid tal-Forzi Armati ta’ Malta, se jkunu qegħdin jirriflettu l-bżonnijiet tal-lum il-ġurnata u ninnutaw ukoll li dan l-investiment ta’ aktar minn €5 miljuni se jkun ikkonfinanzjat minn fondi Ewropej, prova oħra ta’ kemm dawn il-fondi qed jintużaw mill-Gvern Malti bl-aħjar mod.

Il-Gvern qiegħed għalhekk jibqa’ jkun ta’ spalla mal-Korpi Dixxiplinati. Ma rridux ninsew li ta lil dawn il-ħaddiema d-dritt li jissieħbu f’unjin filwaqt li ġew iffirmati ftehimiet storiċi li wasslu għal titjib konsiderevoli fil-kundizzjonijiet tagħhom.
Nemmnu li dawn il-ftehimiet se jagħtu sens ta’ inkoraġġimenintt fil-ħaddiema biex ikomplu jservu lil pajjiżna. Fl-istess ħin, jagħtu wkoll sens ta’ kburi lill-ħaddiema li jkunu ingaġġati f’Korp Dixxiplinat u lil dawk li jkunu responsabbli mill-ordni fit-toroq tagħna.

Fil-kuntest ta’ dan kollu ma nistgħux ukoll ma nilqgħux l-aħbar dwar iż-żieda fil-pensjonijiet għall-membri fil-korpi dixxiplinati li jibqgħu fis-servizz. Il-General Workers’ Union kienet ukoll ipproponiet iż-żieda fil-pensjoni tal-25 sena servizz lill-partiti politiċi fl-aħħar elezzjoni.

B’hekk, aktar ħaddiema tal-Korpi Dixxiplinati qed ikunu inċentivati li jibqgħu fl-impjieg u għaldaqstant l-esperjenza ta’ dawn in-nies ma tispiċċax wara 25 sena iżda se tibqa’ għaddejja biex ikomplu bis-servizz indispensabbli tagħhom fil-komunità. Inħarsu ‘l quddiem għal aktar ħidma sfiqa min-naħa tagħhom.

Sport