Tuesday, December 24, 2024

Inċentivi kruċjali għall-ħaddiema u min iħaddem

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Skema ta’ self għal dawk li pposponew l-investimenti tagħhom waqt il-pandemija

Il-Ministru għall-Enerġija, Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli ddeskriviet l-iskema tas-soft loans bħala pass importanti ħafna għall-kumpaniji f’dan iż-żmien tant kruċjali għalihom u għall-ħaddiema tagħhom. Dalli qalet li din l-iskema hija bbażata fuq diskussjonijiet kontinwi li komplew bejn il-partijiet involuti u bħala gvern issa qiegħed jinċentiva lil dawn l-intrapriżi biex ikunu jistgħu jikbru, jiddiversifikaw u jilħqu l-miri tagħhom.

Il-Ministru spjegat li din l-iskema se tgħin biex tikber il-kompetittività u huwa inkoraġġanti ħafna li qed naraw irkupru ekonomiku b’saħħtu fl-aħħar xhur. 

Dalli żiedet tgħid li n-numri jitkellmu waħidhom fejn jekk inħarsu lejn l-ewwel nofs ta’ din is-sena t-tkabbir diġà laħħaq il-5.6 fil-mija fuq l-istess perjodu tas-sena l-oħra.

Minkejja dan il-Ministru qalet li l-ambizzjoni tal-gvern mat-tkabbir ekonomiku biss għax jeħtieġ li l-investiment ikun wieħed sostenibbli u li jwassal għal tisħiħ ambjentali, kif ukoll għal progress soċjali fil-komunitajiet. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia ħabbar li l-Malta Enterprise se tkun qiegħda tniedi skema ta’ soft loans. Permezz ta’ din l-iskema intrapriżi li kellhom jipposponu l-investimenti tagħhom minħabba l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija se jsibu strument finanzjarju li se tkun qiegħda tkompri parti minn din l-ispiża. Il-parti l-oħra tal-investiment għandha tkun iffinanzjata jew minn self mill-istess intrapriża minn bank lokali jew minn riżerva personali li n-negozju ddepożita fil-kont tal-kumpanija tiegħu fl-aħħar xhur.

Dan is-self huwa meqjus bħala soft loan għax it-termini u r-rati huma aktar flessibbli skont il-proġett. B’dan il-mod l-intrapriżi qed jingħataw l-opportunità li jsaħħu jkabbru u jibdlu l-operat tagħhom biex ikun wieħed aktar sostenibbli.

Biex jibbenefikaw minn din l-iskema, l-intrapriżi jeħtieġ li tagħmel investimenti li jinvolvu żvilupp jew estensjoni tal-attività kurrenti li jwasslu għal proġetti u swieq ġodda, proġetti li jindirizzaw problemi ambjentali, titjib tal-proċessi tal-attività tal-operat u diġitalizzazzjoni u teknoloġiji avvanzati jew proġetti oħrajn li l-għan tagħhom u li jtejbu l-livell ta’ sostenibbilità.

Farrugia spjega li din l-iskema hija miftuħa sa Ottubru 2023 u l-proġetti eleġibbli jridu jiġu implimentati fuq perjodu li ma jeċċedix it-18-il xahar. Il-massimu ta’ self huwa ta’ €1 miljun li jrid jitħallas lura fuq massimu ta’ ħames snin. 

Għal aktar informazzjoni dwar din l-iskema wieħed jista’ jżur is-sit www.maltaenterprise.com, iċempel fuq 144 jew jibgħat email fuq [email protected].

Ekonomija

Sport