“Seħħet ħabta oħra fit-toroq tagħna bl-involviment ta’ trakk li nqaleb. L-ewwel u qabel kollox, aħna ta’ Rota nixtiequ fejqan ta’ malajr lis-sewwieq. Madankollu, dan l-inċident iġib iġegħlna niffukaw fuq il-ħtieġa urġenti għal miżuri aħjar ta’ sikurezza fit-toroq, partikolarment għal dawk li jagħmlu użu mir-roti”
Dan iddikjaratu Rota, NGO li tappoġġja l-użu sigur tar-roti f’Malta u għandha l-għan li tirrappreżenta lil dawk kollha li jagħmlu użu mir-rota ġewwa pajjiżna.
Fl-istess messaġġ li ttella’ fuq Facebook, ġie spjegat li t-trakk spiċċa fil-bicycle lane, żona fejn kull min juża r-roti seta’ weġġa’ fatalment.
Huma qalu li dan l-avveniment traġiku jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal segregazzjoni xierqa bejn it-traffiku u dawk kollha li jagħmlu użu mit-toroq partikolarment dawk fuq ir-roti.
Tennew li f’termini sempliċi, iridu jiżguraw li l-konsegwenzi tal-iżbalji , kemm jekk isiru minn sewwieq jew minn ċiklist ma jkunux fatali.