Saturday, May 18, 2024

Indħil mill-ġenituri u vjolenza mill-istudenti

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Għadd ta’ studenti, b’mod speċjali ż-żgħar, bħalissa jinsabu ġmielhom igawdu mis-servizz ta’ SkolaSajf. Proprju wara li għadna kif għalaqna t-tieni sena skolastika li fihom iffaċċjana l-isfidi tal-pandemija globali tal-Covid-19, Talk.mt tkellem ma’ żewġ edukaturi fi skejjel statali biex naraw x’kienu l-akbar diffikultajiet li ffaċċjaw din is-sena. Dawn irriżultaw li kienu imġiba ħażina tat-tfal, inkluż vjolenza u agħar minn hekk, l-indħil u akkużi minn uħud mill-ġenituri stess li suppost jikkollaboraw u mhux jikkonfrontaw jew jimminaw.

“Il-ġenituri qegħdin dejjem isiru aktar agressivi fit-ton tagħhom u dan nesperjenzawh anke fuq sempliċi telefonata. Waqt il-Covid-19 kellna ħafna eżempji ta’ tgħajjir b’mod speċjali meta ninfurmawhom fuq kwarantina fost l-oħrajn,” stqarret għalliema li taħdem fil-Primarja. 

Akkużati li mhumiex jagħmlu xogħolhom sew…

Hija qalet li l-ġenituri tal-istudenti fl-iskola tagħha jeħduha kontrihom u li saħansitra jgħidulhom li mhumiex qegħdin jagħmlu xogħolhom sewwa. Sostniet li qiegħed ikun hemm “diversi istanti” fejn il-ġenituri saru jheddu li jmorru personalment id-Dipartiment tal-Edukazzjoni u nikkwotawha, “jew kif iħobbu jgħidu huma, imorru għand il-Ministru”.

Dan it-tip ta’ atteġġjament minn uħud mill-kuraturi tal-istudenti lokali qiegħed jurta mhux biss lill-maniġment tal-iskejjel għax “tkun investejt il-ħin ma’ xi ħadd u tipprova ssolvi problema u minflok tirċievi telefonata u jagħtuk it-tort anke fejn m’għandekx”, iżda anke lill-għalliema li jridu jmexxu klassi sħiħa tfal. Jingħad li xi għalliema qegħdin isibu ruħhom f’diffikultajiet kbar u frustranti meta jippruvaw iżommu dixxiplina fost l-istudenti tagħhom.

L-edukatriċi li kellmitna spjegat li, “hemm ġenituri li jakkużaw lill-għalliema li per eżempju t-tifel jibki għax tkun ikkoreġietu l-għalliema. Din tieħu l-awtorità kollha minn idejn l-edukaturi u jridu jiffaċċjaw ċertu imġieba ħażina fost it-tfal”.

L-istess diffikultà ta’ mġieba ħażina ssemmiet mit-tieni edukatriċi li għaliha s-sitwazzjoni hija ftit inqas gravi minħabba li taħdem fi skola żgħira. Hija stqarret li, “fortunatament sa fejn naf jien, ma jkollniex kwistjonijiet jaħarqu la ma’ ġenituri u lanqas ma’ studenti u j’Alla nibqgħu hekk. Imma iva, hemm kwistjonijiet fi skejjel oħra, l-aktar Sekondarji, fejn studenti agredixxew għalliema”. 

“SFORTUNATAMENT NEMMEN LI LA L-ISTUDENTI M’GĦANDHOMX KONSEGWENZI BIEX JIEQFU JAĦSBU FUQHOM QABEL JAĠIXXU, DAWN IL-PROBLEMI SE JKOMPLU”


 Edukatriċi fi skola statali

“Bżonn li nerġgħu ndaħħlu l-konsegwenzi xierqa”

Hija qalet li, mill-esperjenza u l-edukazzjoni professjonali tagħha, hemm diversi raġunijiet għala sseħħ din il-vjolenza fosthom li jista’ jkun li l-istudenti jiżvogaw il-problemi li għandhom id-dar fl-iskola mentri oħrajn għandhom diffikultà biex jikkontrollaw l-emozzjonijiet tagħhom, jew hemm min jitla’ fi trobbija mingħajr gwida tajba.

“Sfortunatament nemmen li la l-istudenti m’għandhomx konsegwenzi biex jieqfu jaħsbu fuqhom qabel jaġixxu, dawn il-problemi se jkomplu,” wissiet din l-għalliema. Hija tat eżempju bit-tfal li joqogħdu wara l-ħin fl-iskejjel fejn il-maniġment tal-istituzzjonijiet edukattivi ma jkunux responsabbli għalihom. “Dawn rari jingħataw konsegwenzi. Ovvjament sitwazzjoni hekk ma tagħmilx sens. Exclusions saru kontra l-liġi u għall-break-ins l-istudent xorta jista’ ma jmurlekx. Għaldaqstant, m’għandekx biex tbeżżahom,” ilmentat l-edukatriċi.

Hija temmet billi qalet li hemm bżonn nerġgħu ndaħħlu l-konsegwenzi xierqa u li jiżdied ir-rispett lejn l-edukaturi, inkluż li  bħala adulti għandna wkoll noqogħdu attenti għal x’tip ta’ diskors jingħad fid-djar quddiem it-tfal.

Ħidma kollettiva u responsabbli

Fid-dawl ta’ dan kollu, ikun tajjeb li jingħata widen u tittieħed konsiderazzjoni serja għall-opinjoni ta’ dawn il-professjonisti fil-qasam edukattiv tagħna. Importanti li jekk hemm xi affarijiet li għandhom u jistgħu jkunu indirizzati fost l-oħrajn b’kampanji edukattivi u regoli ġodda, nibdew naħdmu fuqhom malajr kemm jista’ jkun bil-għan li dawn jidħlu fis-seħħ u pprattikati mis-sena skolastika l-ġdida f’Settembru li ġej. 

M’aħniex ngħidu li l-għalliema kollha u dejjem huma perfetti. Anzi, nemmnu li f’xi każijiet hemm bżonn ta’ kodiċi tal-lbies aħjar fost uħud mill-membri ta’ din il-professjoni, għal dehra aktar professjonali bħalma kienet dari u li forsi għandu jkun hemm inqas għajjat fil-klassijiet minn xi edukaturi. Imma, li huwa żgur li barra d-dedikazzjoni kbira li għandhom l-edukaturi tagħna, irridu napprezzaw ukoll il-fatt li dawn imorru oltre mit-tagħlim fil-klassi.

Niftakru li hemm ħafna sitwazzjonijiet li l-iskejjel jindirizzaw fosthom ibbuljar fost l-istudenti, jirrapportaw każijiet ta’ abbuż fuq it-tfal jew negliġenza u jiġbdu l-attenzjoni ta’ min jista’ jgħin il-każijiet soċjali. Ix-xogħol li jagħmlu l-edukaturi huwa imprezzabbli li se jagħtina l-frott tiegħu fil-futur. 

L-għan li nitkellmu dwar id-diffikultajiet u r-realtajiet huwa li, wara kollox, l-istudenti jingħataw l-aħjar edukazzjoni possibbli f’ambjent tajjeb b’edukaturi li jkunu jistgħu jgħinuhom fil-mixja edukattiva tagħhom b’mod effettiv u b’suċċess. 

Sport