Minn madwar id-dinja qegħdin jinħarġu għadd ta’ stejjer dwar kif qegħdin ikunu trattati l-barranin f’dawk il-pajjiżi. Qegħdin naraw dak li qiegħed jiġri fl-Istati Uniti. Kif immigranti qegħdin jiġu arrestati u deportati lejn El Salvador mingħajr proċeduri. Rajna kif f’Berlin il-forzi tal-Ordni użaw forza eċċessiva fuq protestanti, li kienu qegħdin jipprotestaw b’appoġġ lejn il-Palestinjani. Fir-Renju Unit qegħdin naraw sitwazzjoni simili fost ħafna oħrajn.
Illum quddiem sitwazzjonijiet gvernijiet qegħdin jimxu mar-retorik populista – li tbeżża’ bil-barranin, flimkien mal-fatt li l-politika kif qed titmexxa u dak li qiegħed isir qiegħed jurta sezzjonijiet sħaħ tal-popolazzjoni f’għadd ta’ pajjiżna, qegħdin nerġgħu naraw l-anti semitiżmu jerfa’ rasu. Dan qiegħed iwassal biex ir-razziżmu żdied sew.
Wart li r-razziżmu żdied fit-toroq u postijiet pubbliċi fl-Ewropa u pajjiżi oħra, fis-sit soċjali imbagħad tiżviluppa dinja oħra, b’kummenti disprepjattivi u kliem ta’ mibegħda, huma l-ordni tal-ġurnata. Anki f’pajjiżna jekk wieħed jifli sew is-siti soċjali se jinduna u se jara kummenti u aġġettivi mill-agħar lejn dawk li qegħdin fostna.
Ħafna drabi tara l-agħar kliem dispreġjattiv li wieħed tista’ timmaġina. Sfortunatament is-soċjetà tagħna hi mimlija preġudizzji kontra l-barranin. Preġudizzji lejn min hu ta’ ġilda differenti minn tagħna, preġudizzji kontra min hu ta’ razza differenti minn tagħna jew ta’ reliġjon.
Il-preġudizzji u l-kummenti razzisti mhumiex biss fil-konfront ta’ Afrikani. Qegħdin narawhom ukoll fis-siti soċjali kontra l-Iżraeljani u kontra ir-Russi. Għandna min fostna ma’ l-iċken okkażjoni jikteb kummenti ta’ mibegħda lejn persuni oħra.
Nemmnu li llum is-soċjetà tagħna trid ħelsien mill-estremiżmu li qed jikber fostna. Estremiżmu li forsi ġieli ninjorawh imma qiegħed magħna. Estremiżmu li ma jagħmel xejn ħlief li jirkeb fuq it-traġedji tal-vulnerabbli biex ibeżża sezzjonijiet tal-poplu. Estremiżmu li ma juri l-ebda ħniena. Lanqas ma dawk bla nifs f’nofs ta’ baħar. Bil-għatx, bil-ġuħ bejn sema u ilma.
Nemmnu li r-razziżmu u l-antipatija li xi wħud għandhom lejn dawk li ma humiex Maltin llum m’hemmx posthom. F’pajjiż modern u miftuħ għad-dinja, ma hemmx lok għar-razziżmu. L-iskambju kulturali li bbenefikat minnu Malta bid-dħul tagħna fl-Unjoni Ewropea saħħaħna u kabbarna bħala poplu. Illum diversi minn ħutna l-Maltin jgħixu u jaħdmu f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Oħrajn rritornaw lura, mibdulin mill-esperjenza tagħhom f’pajjiż ieħor. Bl-istess mod, uħud minn ħutna l-Ewropej jgħixu fostna, jaħdmu magħna u jaqsmu ħajjithom magħna l-Maltin. Ma’ dawn imbagħad irridu nżidu dawk il-persuni minn pajjiżi terzi li għandhom permess li jistudjaw jew jaħdmu hawn Malta, u dawk il-persuni l-oħra li għandhom status ta’ refuġjati jew jibbenefikaw minn protezzjoni umanitarja.
Dan il-proċess ta’ migrazzjoni minn u lejn Malta ma bediex ilbieraħ. Bħala poplu ilna nemigraw lejn pajjiżi oħra u kważi kulħadd għandu qraba jgħixu l-Awstralja, l-Kanada, l-Istati Uniti jew xi pajjiż ieħor. Bħala Maltin, inkunu kuntenti għall-Maltin l-oħra li sabu posthom fis-soċjetà li marru jgħixu fiha u bir-raġun ninkorlaw jekk dawn il-Maltin kellhom ibatu minn xi diskriminazzjoni jew esklużjoni għall-ebda raġuni ħlief li huma Maltin jew agħar minħabba l-fattizzi tagħhom.
Nemmnu li dan l-istess proċess ta’ integrazzjoni importanti li jseħħ f’Malta. Integrazzjoni li taħdem tajjeb issawwar fl-immigranti senso ta’ appartenenza u r-rieda li jiffurmaw parti mis-soċjetà, u li jikkontribwixxu direttament għall-progress tagħha. L-integrazzjoni twassal ukoll għal aktar fehma bejn il-persuni differenti sal-punt li d-differenzi oriġinali isiru sekondarji u banali.
Irridu nżommu f’moħħna li meta nisseparaw b’mod riġidu bejn min jaqa’ fid-definizzjoni ta’ Malti u dik ta’ barrani inkunu qed nagħmlu ħsara lil diversi minn ħutna l-Maltin stess u l-familji tagħhom. Miż-żwiġijiet li jseħħu f’Malta li jirrigwardaw tal-anqas persuna waħda ta’ nazzjonalità Maltija, madwar ħmistax fil-mija minnhom huma ma persuni mhux Maltin.
Nittamaw li ma nibqgħux passivi. L-estremiżmu m’hemmx postu fis-soċjetà tagħna. Nittamaw ukoll li istituzzjonijiet f’pajjiżna ma jibqgħux siekta quddiem ir-razziżmu u kummenti ta’ mibegħda. Ma nistgħux nibqgħu indifferenti. Indifferenza u l-apatija li hawn biex nitrattaw dan is-suġġett, qed ikomplu jżidu ir-rażżismu fostna.
Ma rridux ninsew li dik il-parti tal-istorja li ma tiġix imfakkra, li neħduha li qisu xejn mhux xejn jew li issa ilha li saret jew agħar minn hekk tipprova titnessa, hemm ċans kbir li maż-żmien tirrepeti ruħha. Illum hu ċar ħafna u faċli tasal għal mistqosija jekk tgħallimniex minn dak li għaddiet minnu d-dinja matul is-snin. Tkellimna fuq ġenoċidji u kriżimijiet umanitari. Id-dinja qalet li tgħallmet. Illum imma nistaqsu kemm verament id-dinja tgħallmet minn dawn is-sitwazzjonijiet.