Saturday, November 23, 2024

‘Indikazzjonijiet li t-traffikar tal-Kokaina bil-baħar żdied… kawża tal-pandemija’

Aqra wkoll

L-imxija tal-Covid19  u r-restrizzjonijiet li saru minn gvernijiet madwar id-dinja affettwat sew is-suq tad-droga b’mod partikolari fejn jidħol it-traffikar.  Sorsi li tkellmu ma’ dan il-ġurnal, qalulna li fejn tidħol il-kannabis ma jidhirx li kien hawn xi tnaqqis drastiku, għalkemm il-provvista ta’ drogi oħra speċjalment dawk sintetiċi naqsu ħafna għax dawn jiġu traffikati bl-ajru. L-istess sorsi qalulna li fl-aħħar ġimgħat rajna indikazzjonijiet u dan anke fil-bdil ta’ informazzjoni li jkollna ma’ rappreżentanti oħra ta’ pajjiżi Ewropej, li jidher li kien hemm bidla fir-rotot użati mit-traffikanti. Qed naraw ukoll li jidher li qed jerġa’ jkun hemm żieda fit-traffikar bil-baħar b’mod partikolari fejn tidħol il-kokaina.

Is-sors qalilna li “l-fatt li s-suq tad-droga ġie affettwat, dan jista’ jkollu impatt negattiv ħafna akbar fuq min jabbuża mis-sustanzi. Jista’ jkollna min jimxi minn fuq sustanzi għal oħra, waqt li anke jista’ jkun hemm għodod li jintużaw fl-abbuż tad-droga li jibdew jiġu mqassmin minn persuna għal oħra b’riskju”

Qalilna wkoll li t-traffikanti tad-droga kienu jiddependu ħafna minn rotot ta’ kummerċ legali biex jaħbu l-attivitajiet tagħhom.  Jirriżulta li l-miżuri u restrizzjonijiet li ħadu gvernijiet madwar id-dinja  biex jiġġieldu l-pandemija, spiċċaw biex affettwaw b’mod qawwi is-swieq illegali tad-droga fl-aspetti kollha tagħhom. Dan ifisser li ġiet affettwata kemm il-produzzjoni u anke it-traffikar.  

L-istess sorsi qalulna li l-effett ivarja skont minn fejn tkun ġejja id-droga u anke lejn fejn tkun sejra.  L-istess sorsi qalulna li mill-kuntatti li aħna qed ikollna qed jirriżulta li hemm ħafna pajjiżi li qed jirrappurtaw skarsezza ta’ għadd ta’ tipi ta’ droga. Hemm diversi pajjiżi fosthom dawk Nordiċi li qed jirrappurtaw li l-prezzijiet ta’ diversi tipi ta’ drogi żdiedu sostanzjalment. Hemm ukoll min qed jirrappurta li kien hemm tnaqqis fil-purità tal-istess droga.

Spjegawlna wkoll li “jidher ukoll li minħabba l-mod ta’ kif ġie affettwat is-suq, qed naraw li qed ikun hemm min qaleb minn sustanza għal oħra.  Kien fuq il-kokaina u qaleb lejn is-sintetiċi.”

Spjegalna li “meta tqis li “l-eroina l-parti l-kbira tagħha tkun traffikata bl-art ma’ merkanzija li tkun qed tinġarr b’mod legali, il-kokaina hi traffikata bil-baħar xi drabi permezz ta’ jottijiet jew dgħajjes speċjalizzati, waqt li d-drogi sintetiċi jkunu trasportati bl-ajru. Ir-restrizzjonijiet li saru fuq is-servizzi tal-ajru, affettwaw bil-kbir il-provvista ta’ drogi sintetiċi.

L-istess sors qalilna li “llum għandna indikazzjonijiet ċari li t-tnaqqis fit-traffiku bl-ajru lejn l-Ewropa fl-aħħar xhur u ġimgħat,  wassal biex ikun hemm żidiet ta’ kokaina li tintbagħat mill-Amerika t’Isfel bil-baħar lejn l-Ewropa.  Nafu li fil-Kolumbja qed jindikaw li kien hemm żieda fit-traffikar tad-droga bil-baħar. Qabdiet ta’ kokaina li saru f’portijiet fl-Ewropa jindika dan.”

Il-Kannabis ma ġietx affettwata

L-istess sors spjegalna li “fl-aħħar ġimgħat ħew irrappurtat diversi qabiet kbar ta’ Kannabis, kemm fil-lvant nofsani u anke fl-Afrika ta’ Fuq.  Dan juri li l-Kannabis traffikata lejn l-Ewropa mhux qed tkun affettwata mir-restrizzjonijiet.  Hemm tħassib li miżuri ta’ lockdown li kien hemm fl-Ewropa jistgħu iwasslu għal żieda fil-prodotti tal-Kannabis u għalhekk ikun hemm żieda fit-traffikar tal-Kannabis lejn l-Ewropa b’mod partikolari mill-Afrika ta’ Fuq. 

Sport