Min-naħa tiegħu l-Membru Parlamentari Ewropew David Casa qal li l-aħbar riċenti ta’ korruzzjoni hija xi ħaġa tal-mistħija. Huwa qal li dak li għaddej b’rabta ma’ dan il-każ huwa mod ta’ kif il-PE jista’ jiġi mfixkel. Maadankollu huwa qal li fl-opinjoni tiegħu dak li seħħ ma jitfa dell fuq ebda partit politiku avolja dawk li hemm implikati s’issa ġejjin minn partit partkolari. “Dawn huma ftit individwi li ma jissimbolawx la l-valuri tal-Unjoni Ewropea u lanqas il-valuri ta’ ebda partit politiku għax dak li hu ġust kien ġust u jibqa’ ġust”, żied jgħid Casa.
Casa faħħar lill-President tal-Parlament Ewropew Maltija Roberta Metsola li ħadet azzjoni mingħajr telf ta’ żmien meta r-reputazzjoni tal-istituzzjoni sfat mhedda mill-aħbar ta’ korruzzjoni. Huwa kompla biex jgħid li filwaqt li r reputazzjoni ta’ kull deputat hija importanti, ir-reputazzjoni tal-istituzzjoni hija xi ħaġa li malajr tittappan u tieħu ħafna iżjed żmien biex tkun irkuprata. Żied jgħid li d-diskors ta’ Metsola kkonferma kemm ħadet deċiżjonijiet importanti biex kemm jista’ jkun ma jkunx tard wisq li l-istorja toħroġ fil-beraħ qabel jibdew l-investigazzjonijiet neċessarji.
Huwa qalilna li għalkemm jeħtieġ li nistennew l-anadament tal-investigazzjonijiet, grupp żgħir ta’ nies jidher li abbużaw u naturalment iridu jaffaċċjaw ġustizzja. Saħaq li l-PE kellu jieħu l-miżuri li ħa biex kemm jista’ jkun jinħall minn dan il-grupp ta’ nies illi sfortunatament għamel ħsara irreparabbli għal din l-istituzzjoni.
Rigward il-passi li jmiss, Casa saħaq li l-istituzzjoni għandha bżonn regoli b’saħħithom ta’ trasparenza u etika li jaraw li dan ma jerġax jiġri. Barra minn hekk huwa qal li jemmen li hemm bżonn li meta jitressqu riżoluzzjonijiet, ma jkunux riżuluzzjonijiet li warajhom ikun hemm persuna waħda, iżda jkunu involuti grupp ta’ persuni u li magħhom ikun hemm abbinati diversi firmatarji. Stqarr jgħid li tagħlaq kemm tagħlaq il-korruzzjoni qatt ma tista’ teliminaha għax sfortunatament se tibqa’ ssib min jabbuża. Din mhix kwistjoni ta’ partit jew ieħor, iżda waħda ta’ individwi.
Huwa tenna jgħid li mhux aċċettabbli li xi ħadd jiġi elett biex iservi liċ-ċittadini u dak l-istess persuna jabbuża mill-poteri tiegħu minħabba raġunijiet ta’ flus. Il-MEP Nazzjonalista temm jgħid li fiduċjuż li l-Parlament Ewropew qiegħed jagħmel minn kollox biex dan il-kapitlu jingħalaq kemm jista’ jkun malajr.
Aktar dwar Kaili…
It-Tlieta li għadda, il-Parlament Ewropew iddeċieda li jtemm il-mandat tal-Viċi President Eva Kaili. Dan wara li l-Membru Parlamentari Ewropew Griega flimkien ma’ tliet suspettati oħra fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ġew akkużata b’korruzzjoni wara sejba ta’ madwar €1.5 miljun fi flus kontanti fil-pussess tagħhom. Dan l-iskandlu heżżeż il-blokk Ewropew b’sitwazzjoni deskritta tal-mistħija bil-President tal-PE Roberta Metsola tqis dawn il-ġranet bħala żmien diffiċli għad-demokrazija Ewropea.