Friday, December 13, 2024

Indjan jinżamm arrestat wara li ffalsifika dokumenti, firem u kuntratti

Aqra wkoll

Rejith Reve, Indjan ta’ 28 sena li fil-Qorti qal li joqgħod Birkirkara dalgħodu tressaq il-Qorti fejn ġie akkużat li ffalsifika dokumenti, firem u anke kuntratti f’isem Bonnici Group.

Reve ġie akkużat ukoll li ħajjar persuni oħra biex jingħaqdu mal-kumpanija u anke talabhom 1,200 ewro għal kull kuntatt ta’ xogħol.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-akkużat kien diġà rnexxielu jagħmel tmien kuntratti u anke għamel qligħ ta’ 10,000 ewro. Meta l-pulizija tkellmu ma’ wieħed mill-vittmi qallhom li l-akkużaat kien offra impjieg lilu u anke lil qarib tiegħu u qallhom li kien se jagħtihom kuntratt ma’ Bonnici Group.

Qal ukoll lill-pulizija li l-Indjan ta tliet kontijiet bankarji biex il-vittmi jibgħatu l-flus fihom. Il-prosekuzzjoni qalet li dawn il-kontijiet bankarji m’għandhom l-ebda konnessjoni mal-kumpaniji inkwistjoni.

L-avukat difensur qal li l-Qorti tal-Maġistrati m’għandha l-ebda dritt li tagħti ġudizzju dwar dan il-każ minħabba li l-ebda flejjes m’għaddew f’kontijiet f’banek Maltin kif ukoll l-ebda kuntratt ma kien iffirmat fil-gżejjer Maltin.

Il-Qorti wara li semgħet iż-żewġ naħat qalet li l-każ se jkun qiegħed jitkompla jinstema f’Malta hekk kif il-liġi tagħti s-setgħa lil prosekuzzjoni biex tressaq persuni quddiem il-ġustizzja anke jekk parti żgħira biss mir-reat ikun seħħ f’Malta.

L-avukat difensur talab biex l-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest, iżda l-Qorti qalet li dan hu akkużat b’akkużi serji u hemm diversi xhieda li għad iridu jixhdu. Kien għalhekk li l-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest.

Ekonomija

Sport