Rajat Dhingra, Indjan iżda jgħix f’pajjiżna qal fil-Qorti kif spiċċa bil-punti taħt għajnu wara li kien qala daqqa ta’ ponn minn raġel ieħor li suspetta li hu kien qed jirreġistra ħaddiema barranin f’ismu mingħajr il-kunsens tiegħu.
L-allegat vittma kien qiegħed jixhed fi proċeduri kriminali li qiegħed jiffaċċja Luke Vella ta’ 29 sena minn Ħaż-Żabbar. Hu qiegħed jiġi akkużat li kkawża ġrieħi gravi fuq Dhingra, kif ukoll li nsulentah u hedddu.
Il-Prosekuzzjoni qiegħda takkuża lil Vella li b’dan il-każ hu kiser kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest imposti fl-2016, fl-2022 u fl-2024.
Vella wieġeb mhux ħati tal-akkużi.
L-Indjan xehed li fid-9 ta’ Lulju li għadda kien fuq barra tal-għassa tal-Pulizija wara li ġie mitlub imur hemm biex il-pulizija jkellmuh dwar rapport li kien għamel Vella. Kien hawn li beda argument bejn Vella u Dhingra.
“Bdejna nitkellmu u f’daqqa waħda beda jagħtini daqqiet ta’ ponn,” qal Dhingra, li żied jgħid li kien hemm nuqqas ta’ ftehim u li Vella ħaseb li hu kien ħa xi “oġġetti” mingħandu.
Ix-xhud qal li wara mar għand il-Pulizija u mbagħad għamel ċertifikat mediku għall-ġrieħi li sofra.
L-allegat vittma xehed fil-Qorti li jaf lil Vella permezz ta’ ħabib komuni, u li l-imputat kien għamel rapport mal-Pulizija wara li rċieva notifika minn Identità li kienu hemm 11-il ħaddiem mhux tal-UE irreġistrati f’ismu.
Ix-xhud kompla jgħid li aktar tard dakinhar stess, huma ltaqgħu f’ħanut fl-Imsida, fejn skont Dhingra, Vella semgħu “bil-kwiet” u wera li kien ġie “ingannat mill-informazzjoni ta’ ħaddieħor”. Jirriżulta li Vella kien reġa’ mar l-għassa biex iwaqqa’ r-rapport li kien għamel fil-konfront tax-xhud.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech talbet lix-xhud biex jersaq lejjha biex tara l-ferita rrappurtata u ordnat li ssir nota li l-inċiżjoni kienet tidher minn distanza normali.
l-avukat difensur Nicholas Mifsud waqt il-kontra-eżami insinwa li t-tnejn kienu ltaqgħu biex isolvu kwistjonijiet ta’ immigrazzjoni. Madankollu, meta ġie mistoqsi dwar kif kien irreġistra 11-il persuna fuq l-isem ta’ Vella mingħajr il-kunsens tiegħu, Dhingra ċaħad dan.
Vella ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €300 u garanzija personali ta’ €4,000. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Ġenerali Jennifer Polidano, assistita mill-Ispetturi tal-Pulizija Ylenia Marie Xerri u Clayton Abela. L-Avukat Nicholas Mifsud qed jidher għall-akkużat.